Raġel ta’ 57 sena minn San Pawl il-Baħar weġġa’ serjament wara li ntlaqat minn karozza waqt li kien qed iniżżel merkanzija minn vann f’Tas-Sliema.
Skont il-pulizija, l-inċident seħħ għall-ħabta tas-7:30am fi Triq ix-Xatt fid-direzzjoni lejn Tas-Sliema. Karozza Peugeot 3008 misjuqa minn raġel Libjan ta’ 42 sena residenti Birkirkara ħabtet ma’ vann Isuzu Elf li kien ipparkjat doppju, minħabba nuqqas ta’ spazju apposta għat-tniżżil tal-merkanzija fiż-żona.
Tim mediku wasal fuq il-post biex jagħti l-ewwel għajnuna lill-vittma qabel ma ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura. Il-pulizija kkonfermat li r-raġel ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi serji.
L-inċident wassal biex it-triq tingħalaq temporanjament, u kkawża traffiku qawwi li estenda sal-Gżira u l-Imsida.
Il-Maġistrat Monica Borg Galea infetħet inkjesta dwar il-każ, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.