Miċħud l-appell biex jitwaqqaf każ ta’ traffikar tal-bnedmin, stupru u sekwestru ta’ persuna

Anthony Catania qed jiffaċċja akkużi serji, fosthom li stupra lill-carer li kienet tieħu ħsiebu f’daru

Raġel mixli b’traffikar tal-bnedmin, stupru u sekwestru ta’ persuna ma rnexxilux iwaqqaf il-proċeduri kriminali kontrih, hekk kif il-Qorti sabet li l-allegazzjonijiet tiegħu li l-investigazzjoni fil-konfront tiegħu hi inġusta kienu infondati.
Anthony Catania kellu tilwima ma’ mara ta’ nazzjonalità Filippina li kien impjega bħala carer f’daru.
L-ewwel kuntatt bejn Catania u l-mara sar fuq online, wara li hi uriet interess li taħdem bħala carer f’Malta.

Catania kien informa lill-mara li kellu bżonn il-kura minħabba li kien infetaq. 

Madankollu, wara xi testijiet mediċi irriżulta li Catania fil-fatt kellu kanċer. Huwa qasam din l-informazzjoni magħha qabel ma waslet f’Malta biex tibda l-impjieg tagħha.
Seba’ xhur wara li bdiet tgħix u taħdem miegħu, il-mara telqet mir-residenza tiegħu u fittxet kenn f’Dar Merħba Bik. 
Minn hemm ‘il quddiem, iż-żewġ partijiet ressqu sensiela ta’ rapporti kkontra xulxin.
Catania sostna li kien ġie aggredit u mhedded mill-mara, u allega wkoll li serqitlu xi ċwievet u mobile. 
Madankollu, huwa stess tressaq il-Qorti akkużat b’serje ta’ reati serji wara rapporti magħmula mill-mara.
Fost l-akkużi li Catania qed jiffaċċja hemm dawk ta’ traffikar tal-bnedmin, abbuż sesswali, serq, u sekwestru ta’ persuna. 

Huwa ġie akkużat ukoll li żamm passaport ta’ ħaddieħor u li kellu fil-pussess tiegħu munizzjon illegali.

Catania dejjem ċaħad dawn l-akkużi u ppreżenta rikors kostituzzjonali fejn allega li l-investigazzjoni kontrih kienet waħda inġusta u mhux imparzjali. 

Huwa sostna li l-akkużi kienu “frame-up maħdum bizzilla” u li l-Pulizija naqsu milli jinvestigaw l-ilmenti tiegħu kontra il-mara. 
Huwa allega li l-carer orkestrat kollox bħala vendetta wara li keċċiha mix-xogħol għax bdiet turi  “mġiba ħażina u nuqqasijiet serji fid-drimijiet tagħha”.
B’konsegwenza ta’ dan, il-permess tar-residenza tagħha ġie revokat.
Huwa qal li hija kienet orkestrat sensiela ta’ allegazzjonijiet kontrih, u sostna li hija kienet mgħejjuna minn uffiċjal għoli fil-Korp tal-Pulizija.
Huwa saħansitra allega li kien ġie suġġett għal trattament degradanti għax uffiċjal tal-Pulizija kien “dam jiddieħaq bih għal iżjed minn tlett minuti sħaħ”.
L-Ewwel Qorti, f’Novembru tal-2024, kienet diġà ċaħdet it-talbiet ta’ Catania, filwaqt li ddikjarat il-proċeduri mibdija minnu bħala "frivoli u vessatorji". 
Fl-appell tiegħu, Catania talab biex din is-sentenza tiġi revokata u biex il-proċeduri kriminali kontrih jitwaqqfu immedjatament. 
Madankollu, il-Qorti Kostituzzjonali qalet li s-sentenza tal-Ewwel Qorti kienet "ben motivata".
Peress li d-dispożizzjoni kostituzzjonali tagħlaq kull bieb għal appell f’dawn iċ-ċirkostanzi, il-Qorti ddeċidiet li l-appell kien frivolu u vessatorju.
Il-qorti ordnat li l-ispejjeż tal-appell jitħallsu kollha minn Catania. 
Il-proċeduri kriminali kontra Catania se jibqgħu għaddejjin.

More in Qrati u Pulizija