Ahmed Ab’a Khabiza, Libjan ta’ 37 sena, instab ħati li bejn Novembru u Diċembru 2025 seraq xi vetturi mit-terminal tal-Virtu Ferries fil-Marsa.
Il-każ beda meta xi uffiċjali tad-dwana nnutaw irregolaritajiet f’vettura li ddaħlet f'Malta.
L-investigazzjonijiet ta' wara rabtu lil Khabiza ma’ netwerk li kien jittraffika l-karozzi misruqa bejn l-Ewropa u l-Afrika ta’ Fuq, bl-użu ta' dokumenti ffalsifikati.
Il-pulizija xehdu li Khabiza kien jagħmel diversi vjaġġi lejn Malta b’vetturi misruqa minn pajjiżi bħal l-Italja u Spanja. Fil-qorti ssemma li l-każ jinvolvi tliet vetturi: Lexus, MG u Toyota Land Cruiser.
Khabiza ammetta l-akkużi f’April u ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.
Ġie ordnat li l-vetturi jingħataw lura lis-sidien tagħhom, filwaqt li l-Uffiċċju Prinċipali tal-Immigrazzjoni ġie notifikat bis-sentenza.