Lilu King’ fost żewġt irġiel mixlija b’kompliċità f’każ ta’ stupru u ħtif marbut ma’ Jordan Azzopardi
Il-qorti semgħet allegazzjonijiet ta’ ppjanar minn ġewwa l-ħabs u struzzjonijiet biex jitfu kameras, filwaqt li nħarġet ordni ta’ protezzjoni għall-vittma
minn Jaelle Borg
Każ kriminali li diġà qed jara lil Jordan Azzopardi mixli b’reati serji ta’ vjolenza, serq u ħtif, issa wassal biex żewġ persuni oħra tressqu quddiem il-qorti b’akkużi ta’ kompliċità relatati mal-istess każ.
Iż-żewġ akkużati huma Mohamed Ali Ahmed Elmushraty, magħruf bħala “Lilu King”, negozjant ta’ 34 sena, u Noureddin Amer Miloud Almahmoudi, ta’ 39 sena. It-tnejn wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Skont il-prosekuzzjoni, huma jinsabu mixlija li aġixxew flimkien biex iwettqu diversi reati, fosthom kompliċità f’aggressjoni sesswali, serq, ħtif u estorsjoni. L-akkużi jinkludu wkoll li żammew persuna kontra l-volontà tagħha u li kkawżaw biża’ li tintuża vjolenza. Il-qorti semgħet li dawn l-allegazzjonijiet huma marbuta ma’ att li allegatament twettaq minn Jordan Azzopardi u Abdulmonen Abudagil.
Fil-każ ta’ Mohamed Ali Ahmed Elmushraty, il-prosekuzzjoni qed issostni wkoll li kiser diversi kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, li huwa riċediv u li allegatament wettaq reat waqt li kien detenut fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Madankollu, il-qorti semgħet ukoll li l-akkużi ta’ stupru u attentat ta’ qtil qed jikkonċernaw lil terzi persuni u mhux direttament lil Elmushraty.
Il-każ ħareġ fid-dawl fil-21 ta’ April għall-ħabta tas-7:10pm, meta persuna daħlet fl-għassa tal-pulizija f’Tas-Sliema u allegat li kien ġie msawwat, misruq, mhedded b’sikkina u stuprat. Il-vittma qal li kien iltaqa’ ma’ ħu l-eks sieħba tiegħu f’ħanut f’San Ġwann, fejn allegatament seħħ l-inċident.
Infetħet inkjesta maġisterjali fejn ittieħdet ix-xhieda taħt ġurament tal-allegat vittma quddiem it-tabib forensiku Edward Cherubino. Matul din ix-xhieda, il-vittma sostna li waqt l-aggressjoni wieħed mill-allegati aggressuri semma li huma kienu jafu lil Lilu King.
Dan wassal lill-pulizija biex jespandu l-investigazzjoni tagħhom u jiffokaw fuq ir-rabta possibbli bejn il-każ u dan l-individwu.
L-investigazzjonijiet żvelaw ukoll li ftit qabel ma allegatament seħħ l-inċident, kien hemm komunikazzjoni bejn Elmushraty u Abdulmonen Abudagil permezz ta’ telefonata mill-ħabs. Skont il-prosekuzzjoni, waqt din il-konversazzjoni allegatament ingħataw istruzzjonijiet biex jitfu l-kameras tas-sigurtà u biex ma jħallu lil ħadd jara x’kien se jseħħ. Sar ukoll referenza biex il-vittma tingħata “tbeżbiża tajba”, fatt li wassal lill-investigaturi biex jikkonkludu li seta’ kien hemm livell ta’ ppjanar minn qabel.
Sussegwentement, inħarġu mandati ta’ arrest. Mohamed Ali Ahmed Elmushraty ġie arrestat waqt li kien diġà l-ħabs, filwaqt li Noureddin Amer Miloud Almahmoudi ġie arrestat wara li filmati ta’ CCTV allegatament wrewh ħiereġ mill-post fejn seħħ l-inċident.
Il-qorti semgħet ukoll li mill-filmati tas-CCTV ġew osservati diskrepanzi bejn dak li qal Almahmoudi lill-pulizija u l-ħinijiet li fihom jidher fil-post. .
Id-difiża ta’ Noureddin Amer Miloud Almahmoudi ressqet talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-qorti ċaħditha.
Fil-konfront ta’ Mohamed Ali Ahmed Elmushraty, ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju.
Sadanittant, il-qorti laqgħet talba tal-prosekuzzjoni biex toħroġ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Wayne Buhagiar u James Turner flimkien mal-Avukati Jurgen Dalli, Darleen Grima u Danika Vella. Il-Lilu King dehru għalih L-Avukati Marion Camilleri, Adreana Zammit u Herman Mula. Għal Noureddin Amer Miloud Almahmoudi dehru għalih L-aavukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri.
