Raġel ta’ 36 sena minn Burmarrad, Larkin Bihiga, ġie miċħud il-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati għal akkużi relatati ma’ theddid serju u vjolenza domestika.
Bihiga, li jaħdem bħala aġent tal-proprjetà, ġie arrestat fil-25 ta’ April wara telefonata li saret lill-Pulizija mill-partner tiegħu. Waqt din it-telefonat il-mara allegat li r-raġel kien qed jheddidha li jitfagħha hi u t-tarbija minn fuq gallarija, qabel ma t-telefonata nqatgħet.
Il-Pulizija wettqet tfittxijiet teknoloġiċi biex tidentifika minn fejn saret it-telefonata. Wara li ġiet identifikata l-mara, l-uffiċjali marru fuq il-post iżda inizjalment ma kien hemm l-ebda risposta. Meta rritornaw aktar tard, sabu l-bieb miftuħ u lill-akkużat ġewwa bit-tarbija.
Fil-Qorti ntqal li waqt li l-pulizija kienu qed jippruvaw jikkalmaw is-sitwazzjoni, l-akkużat beżaq lejhom.
Il-vittma telgħet tixhed u qalet li xtaqet tirtira l-akkużi, filwaqt li spjegat li kien hemm argument bħal dak li jkollha kull koppja u li ċemplet “fis-sħana tal-mument”. Hija ammettiet ukoll li kienet għamlet rapporti oħra fil-passat.
Madankollu, il-Qorti spjegat li jekk il-każ jitwaqqaf, ma tkunx tista’ tipprovdi protezzjoni lilha, u li kwalunkwe inċident futur ikun jeħtieġ proċeduri ġodda. Għaldaqstant, il-Qorti ċaħdet it-talba tagħha u ordnat li l-proċeduri jkomplu kontra l-akkużat.
Id-difiża, immexxija mill-avukat Nicholas Mifsud, talbet il-ħelsien mill-arrest, iżda l-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispetturi Cheyenne Mangion u Omar Zammit, oġġezzjona.
Wara li semgħet iż-żewġ naħat, il-Qorti ċaħdet ukoll it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-każ għadu għaddej.