Miċħud il-ħelsien mill-arrest għal raġel mixli b’serqa ta’ €5,000 f’sigaretti; il-kompliċi għadu qed jiġi mfittex

Raġel ta’ 46 sena minn Ħal Qormi ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li tressaq taħt arrest mixli b’allegata serqa ta’ sigaretti b’valur ta’ madwar €5,000 minn stabbiliment ta’ distribuzzjoni, filwaqt li l-pulizija għadha qed tfittex it-tieni suspettat li hu wkoll involut

Darren Brincat ġie mixli li seraq sigaretti u oġġetti oħra minn stabbiliment f’Ħal Qormi fit-8 ta’ April 2025, allegatament bejn is-1:00am u t-3:00am, jew fis-sigħat ta’ qabel.

Il-prosekuzzjoni spjegat li l-valur tal-oġġetti misruqa jammonta għal madwar €5,000. Il-qorti ntgħatat ukoll x’tifhem li Brincat ma kienx qed jaġixxi waħdu, peress li persuna oħra li allegatament kienet involuta fis-serqa għadha ma nqabditx.

Brincat qed jaffaċċja wkoll akkuża li huwa reċidiv, wara li fil-passat instab ħati f’diversi sentenzi mogħtija mill-qrati Maltin.

Il-prosekuzzjoni talbet li tinħareġ ordni ta’ trażżin favur il-kumpanija li għandha l-istabbiliment, kif ukoll ordni ta’ trattament fir-rigward tal-akkużat. Talbet ukoll lill-qorti biex tapplika dispożizzjonijiet relatati ma’ kumpens u restituzzjoni favur il-vittma f’każ li l-akkużat jinstab ħati.

Saret talba għall-ħelsien mill-arrest iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa. F’dan l-istadju bikri tal-proċeduri, il-qorti ċaħdet it-talba billi nnotat li din kienet prematura u kkunsidrat ukoll il-fedina penali estensiva tal-akkużat.

L-avukati José Herrera u Naomi Spiteri dehru għall-akkużat. 

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur John Sammut, filwaqt li l-avukat Miryea Mifsud dehret f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Il-Maġistrat tal-Għassa Kevan Azzopardi ppreseda fuq is-seduta.

More in Qrati u Pulizija