Mark Camilleri qal lill-qorti nhar it-Tnejn li mhux konxju liema partijiet mill-artiklu tiegħu qed jiġu kkontestati fil-libell imressaq minn Simon Cusens.
Il-proċeduri huma marbuta ma’ artiklu ta’ Camilleri li fih analizza l-bejgħ ta’ Technoline u xi fondi konnessi mal-konċessjoni tal-Vitals.
Ir-rapport semma ħlas ta’ €5 miljun u qajjem mistoqsijiet dwar kif dan il-ħlas ġie strutturat.
Cusens ċaħad kull allegazzjoni miġjuba kontrih.
Meta xehed, Camilleri kkonferma li huwa s-sid u l-editur tal-portal tal-aħbarijiet The Maltese Herald. Huwa sostna li l-artiklu kien “fattwali ħafna” u rrimarka li ġew ippubblikati diversi rights of reply tal-istess Cusens.
Camilleri qal li qatt ma ġie informat b’mod ċar liema elementi tar-rapport qed jitqiesu bħala malafamanti.
Camilleri żied li għalkemm “ma qalx li hu [Cusens] għamel xi reat”, huwa ddeskriva l-ftehim bħala wieħed li għandu karatteristiċi kollha li hu jassoċja ma’ insider trading.
Camilleri qal ukoll li kien talab lill-pulizija biex tinvestiga lil Cusens. Huwa żied li persuni oħra marbuta mal-ħlas kienu ġew investigati, filwaqt li Cusens ma kien ġie investigat bl-ebda mod.
Qabel ma ddiferixxa l-każ, il-Maġistrat Victor Axiak ħeġġeġ lill-partijiet jikkunsidraw jekk it-tilwima tistax tissolva barra mill-qorti.