Proċess tal-qtil f’Marsalforn: Mario Scerri jixhed fir-raba' jum tas-smigħ
L-espert forensiku Mario Scerri xehed fil-kawża tal-qtil ta’ Marsalforn nhar il-Ħamis filgħodu, fejn ta dettalji dwar il-ġrieħi tal-vittma u l-kawża tal-mewt.
minn Jaelle Borg / Kaylyn Linwood
L-espert forensiku Mario Scerri xehed fil-kawża tal-qtil ta’ Marsalforn nhar il-Ħamis filgħodu, fejn ta dettalji dwar il-ġrieħi tal-vittma u l-kawża tal-mewt.
L-ispeċjalista forensiku Mario Scerri qal lill-qorti li Fawaz Najem miet amewt vjolenti, wara feriti ta’ sikkina wesgħin madwar 1.9ċm li ppenetraw il-qalb.
Is-seduta bdiet bil-ġurati jistaqsu mistoqsijiet lill-Ispettur Josef Gauci dwar l-arma użata. B’mod partikolari, ġurat staqsa jekk saritx tfittxija fil-baħar, u l-ispettur wieġeb fin-negattiv. Meta mistoqsi fejn saru t-tfittxijiet, huwa spjega li dawn saru fir-residenza “Maria”, fil-garaxx ħdejn id-dar ta’ Aljasem, kif ukoll fil-BMW li tappartjeni lil wieħed mill-ħbieb tal-vittma, iżda ma saru l-ebda tfittxijiet f’djar oħra.
L-espert forensiku Mario Scerri tela’ jixhed u qal li kien inkarigat mill-maġistrat tal-għassa dak iż-żmien biex jinvestiga l-mewt ta’ Fawaz Najem.
“Il-mewta ma kinitx waħda naturali, iżda waħda vjolenti,” qal l-espert.
Ġrieħi li sofra l-akkużat
Scerri xehed li eżamina lil Aljasem għall-ħabta tal-10am, l-għada tal-inċident. Huwa nnota li ma kien hemm l-ebda ġrieħi friski fuq wiċċu, iżda identifika ferita fil-parti okkipitali tax-xellug tar-ras, li setgħet kienet ikkawżata minn daqqa jew minn ħabta ma’ xi ħaġa iebsa.
Ġrieħi oħra inkludew tbenġil u abbrażjonijiet fuq dahru u fuq spallejh, kif ukoll marki li jikkorrispondu ma’ gidma. L-espert spjega li dawn il-ġrieħi kienu kkawżati minn forza qawwija u mhux minn oġġett li jaqta’.
Huwa għamel distinzjoni bejn tipi differenti ta’ feriti, fejn qal li l-laċerazzjonijiet normalment ikollhom truf irregolari, filwaqt li feriti maqtugħin ikunu nodfa. Żied jgħid li feriti ta’ sikkina jkunu aktar fondi milli wesgħin u kkawżati minn oġġetti li jaqtgħu bil-ponta.
Eżami tal-vittma
Meta ddeskriva l-kundizzjoni tal-ġisem tal-vittma, Scerri qal li Najem instab mixħut fuq dahru b’rasu mdawra lejn naħa. Kien parzjalment imlibbes, u idejh u riġlejh wrew sinjali ta’ ġrieħi.
L-espert identifika diversi leżjonijiet, inklużi abbrażjonijiet fuq l-għonq u fuq idejh, li qal li jistgħu jkunu konsistenti ma’ trażżin fiżiku. Huwa nnota li l-preżenza ta’ marki tas-swaba’ fuq l-għonq tissuġġerixxi li l-vittma seta’ nqabdet minn għonqha.
Il-ġrieħi fatali kienu feriti ta’ sikkina fuq in-naħa tax-xellug tas-sider, b’wisa’ ta’ madwar 1.9ċm. Scerri ddeskriva dawn il-feriti bħala forma ta’ V, li jindika li ġew ikkawżati minn oġġett li jaqta’ b’xifer wieħed. Spjega wkoll li n-natura tal-feriti tissuġġerixxi “effett ta’ rocking”, jiġifieri li l-arma setgħet daħlet u ħarġet f’angoli differenti, u dan jindika li waqt l-att l-aggressur seta’ dawwar idejh jew inkella nħasad, u meta s-sikkina nġibdet lura kkawżat leżjoni differenti.
Instab ukoll aktar tbenġil fuq riġlejn u idejn il-vittma, speċjalment fuq dirgħajh idejh, konsistenti ma’ ġrieħi fejn ipprova jipproteġu ruħu.
Barra minn hekk, Scerri enfasizza li l-kawża tal-mewt ta’ Najem kienet ta’ xokk ipovolemiku, jiġifieri meta persuna titlef ammont kbir ta’ demm tant li l-qalb ma tkunx tista’ tippompja biżżejjed demm madwar il-ġisem, minħabba t-telf ta’ demm mill-feriti ta’ sikkina.
Scerri enfasizza wkoll li f’każijiet ta’ mewt vjolenti, kull kuntatt tħalli traċċa. Huwa kkonkluda li l-ġrieħi li sofra Najem, partikolarment il-ferita ta’ sikkina fis-sider, huma konsistenti ma’ attakk fatali b’arma li taqta’ u bil-ponta.
Il-Qorti ħa tkompli għat-2:30pm.
