Raġel mhedded bil-mewt wara li ġie msawwat b’pala u misruq

Raġel instab imweġġa’ wara li ġie attakkat b’mod vjolenti b’pala u misruq mill-affarijiet kollha tiegħu fi ġlieda li ġrat il-Marsa

Fil-15 ta’ Marzu 2026 il-qorti semgħet ix-xhieda tal-vittma involuta f’attakk li seħħ fil-Marsa fil-lejl bejn il-5 u s-6 ta’ April 2026.

Il-vittma, li jismu Ibrahim Ismail Farrouk tressaq biex jixhed quddiem Maġistrat Antoine Agius Bonnici. Il-vittma ma obdiex l-ordnijiet tal-qorti u qal lill-qorti li jirrifjuta li jixhed. Wara li kompla jitkellem fuq il-Maġistrat, il-qorti ordnat li jiġi arrestat għal ħmistax-il minuta.

Meta l-vittma rritorna lura l-qorti l-maġistrat fakkru li jista’ jagħżel li ma jixhidx biss f’każijiet fejn jista’ jinkrimina lilu nnifsu, inkella għandu bżonn jipprovdi l-evidenza kollha mitluba minnu.

Il-vittma kkoopera mal-qorti u ppreżenta x-xhieda li ġejja.

Huwa qal lill-qorti li fil-5 ta’ April 2026 għall-ħabta tal-10:30pm kien qed ifittex sigaretti. Huwa ra żewġt irġiel Indjani jaqsmu t-triq, li staqsewh jekk riedx sigarett, u għal dan hu wieġeb iva. Dawn iż-żewġt irġiel imbagħad komplew jimxu lejn il-korsa taż-żwiemel.

Wara 5 minuti, Farouk qal lill-qorti li sema’ liż-żewġt irġiel Indjani jgħajjtu għall-għajnuna. Meta għajjat lura, biex jistaqsihom x’kien ġara, ra żewġt irġiel oħra jiġru wara ż-żewġt irġiel Indjani.

Dawn l-istess żewġt irġiel imbagħad bdew jattakkaw lill-vittma. Wieħed minnhom qabdu minn għonqu, filwaqt li l-ieħor sawwtu bil-pala f’diversi partijiet ta’ ġismu. Kellu wkoll qasma fuq xofftejh t’isfel minn sikkina. Huwa qal lill-qorti li kien għadu jħoss uġigħ fuq dahru mill-ġrieħi li kien sofra.

Il-qorti qalu li l-pala li ntużat bħala arma kienet l-istess waħda li l-vittma kien juża għax-xogħol tiegħu.

Meta ġie mistoqsi jekk jiftakarx min kien qed isawtu bil-pala, huwa identifikah bħala Faraj, l-akkużat li kien preżenti fil-qorti illum.

Il-qorti mbagħad semgħet kif Faraj daħħal idejh fil-bwiet tal-vittma u seraq żewġ mowbajls żgħar kif ukoll il-kartiera u t-tallinja card tiegħu.
Il-vittma stqarret li l-akkużat heddu wkoll u qallu "Se noqtlok".

L-ispettur fuq il-każ qalet lill-qorti li qabel ix-xhieda semgħet lill-akkużat ikellem lill-vittma barra, bl-Għarbi. Meta mistoqsi x'kien qallu l-akkużat, il-vittma qal li talbu jaħfirlu. Il-qorti fakkriet lill-akkużat li ma jistax ikellem lil-xhud matul il-każ u li se jiġi investigat jekk dan jippersisti.

L-ispettur Sarah Zerafa xehdet wara. Hija spjegat kif fis-6 ta' April 2026 l-akkużat ġie arrestat wara l-ġlieda li seħħet fi Triq ix-Xemxija fil-Marsa, u ttieħed l-għassa tal-pulizija fil-Marsa.

Fuqu nstabu żewġ telefowns, kartiera, tallinja card, u borża b’sustanza bajda li hi maħsub li hi xi tip ta’ droga.
L-oġġetti kollha misjuba minbarra l-borża tad-droga, ġew ikkonfermati li kienu tal-vittma.

Filmati tal-bodycam urew kif l-akkużat ma kienx qed jikkoopera u reżista l-arrest billi nħeba fil-karozza tiegħu.

Il-każ ġie pospost għas-16 ta’ Mejju 2026 fid-9am.

Dan il-każ kien ippresedut mill-Maġistrat Antoine Agius Bonnici. L-Ispettur Sarah Zerafa mexxiet il-prosekuzzjoni.

More in Qrati u Pulizija