Raġel jinżamm taħt arrest wara li kiser ħames settijiet ta’ ħelsien mill-arrest

Raġel ta’ 32 sena nżamm taħt arrest wara li ġie akkużat li kiser ħames settijiet ta’ ħelsien mill-arrest, fejn il-qorti ddeskrivietu bħala inaffidabbli fid-dawl ta’ ksur allegat ripetut

Abdulaziz Mohammed Alamari Zamzam mill-Libja, li jirrisjedi San Pawl il-Baħar, stqarr li mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih wara li ttella’ quddiem il-qorti taħt arrest nhar it-Tlieta. 

Il-prosekuzzjoni spjegat l-akkużat instab ġewwa Paceville bejn is-1am u s-2.30am nhar it-13 ta’ April, waqt li kiser kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest imposti fuqu minn diversi qrati. Waqt li l-pulizija identifikaw lill-akkużat, Zamzam minnufih ċempel lill-avukati tiegħu. Hu inizjalment tħalla jitlaq taħt struzzjonijiet li jirritorna l-għassa l-għada u jiffirma, iżda hu ġie arrestat fis-6pm dik il-ġurnata. 

Zamzam kemm-il darba xellef idejh mal-qorti, fejn ittella’ taħt arrest diversi drabi fuq inċidenti li jinvolvu l-eks sieħba tiegħu. F’każijiet preċedenti, hu kien mixli li ta fastidju u kkawża nġurji lilha, fejn il-prosekuzzjoni ddeskrivew diversi istanzi ta’ imġiba abbużiva.  F'okkażjoni oħra, reġa' tressaq quddiem il-qorti wara li allegatament kiser ordni ta' protezzjoni maħruġa favur tagħha, ftit ġimgħat biss wara li ġie akkużat li heddidha. Dawn il-proċedimenti preċedenti juru diżrispett kontinwu għall-kundizzjonijiet imposti mill-qorti u jenfasizzaw it-tħassib imqajjem mill-prosekuzzjoni fil-każ preżenti rigward l-affidabbiltà u l-konformità tiegħu mal-ordnijiet ġudizzjarji.

Fil-qorti, il-prosekuzzjoni enfasizzat li Zamzam qed jaffaċċja ħames akkużi separati ta' ksur tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. Id-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest, fejn argumentat li l-akkużat kien ikkoopera mal-istruzzjonijiet tal-pulizija u, fil-fatt, kien mar jiffirma  l-għada. Id-difiża rrimarkat ukoll li Zamzam kien wieġeb mhux ħati għall-akkużi kollha.

Madankollu, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa, u argumentat li l-imġiba tal-akkużat uriet xejra ta’ nuqqas ta’ affidabbiltà u diżrispett għall-ordnijiet tal-qorti. Ġie sottomess ukoll li Zamzam kien sostna li kellu permess li jkun barra fil-ħin tal-allegati ksur, li ma kienx il-każ. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet miż-żewġ partijiet, il-qorti kkunsidrat is-serjetà u n-numru ta’ allegati ksur, kif ukoll il-karattru u l-imġiba tal-akkużat, u ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Zamzam inżamm taħt arrest. 
L-Ispettur Sherona Buhagiar mexxiet il-prosekuzzjoni, u l-avukat tad-difiża Nicholas Mifsud irrappreżenta lill-akkużat. Il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici ppresieda s-seduta.

More in Qrati u Pulizija