Raġel ta’ 30 sena li kien akkużat li għamel ħsarat estensivi fid-dar tal-eks sieħba tiegħu f’Ħaż-Żabbar u fil-vettura tagħha inħeles mill-akkużi wara li ġie irtirat il-każ kontrih.
Huma kienu ilhom flimkien għal 12-il sena u għandhom żewġt itfal.
Il-qorti semgħet kif ir-raġel allegatament mar fir-residenza tal-vittma waqt li din ma kinitx id-dar u kisser il-bieb ta’ barra tal-appartament.
Skont il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Colin Sheldon, l-inċident seħħ wara li r-raġel ra lill-eks sieħba tiegħu tiżfen ma’ persuna oħra waqt party il-Gianpula.
Huwa baqa’ sejjer dritt id-dar tal-koppja, fejn ikkawża ħsarat f’diversi oġġetti fid-dar, fosthom tliet televixins, gwardarobba, u dishwasher fost l-oħrajn.
Barra minn hekk huwa kkawża ħsarat sostanzjali fit-Toyota Vitz tal-mara.
Ir-raġel ġie arrestat aktar tard fir-residenza tal-ġenituri tiegħu fejn kien ilu joqgħod minn meta l-koppja sseparat madwar tliet xhur ilu.
Ir-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġbura kontrih.
Huwa deher b’rasu baxxuta fl-awla, tant li l-maġistrat staqsieh għaliex kien qed iżomm dik il-pożizzjoni, u wieġeb li kien qed jagħmel hekk “biex jisma’”.
Il-maġistrat wissieh li jekk ir-relazzjoni ntemmet, għandu jaċċetta s-sitwazzjoni u jimxi ’l quddiem.
Meta xehdet, il-vittma qalet li l-proprjetà fejn seħħ l-inċident hija proprjetà konġunta u infurmat lill-qorti li xtaqet twaqqaf il-proċeduri, fost l-oħrajn minħabba ż-żewġt itfal li għandhom bejniethom u x-xewqa li jkomplu b’ħajjithom.
Il-qorti laqgħet it-talba u l-akkużi kontra r-raġel ġew irtirati.
L-avukati Ishmael Psaila u Amadeus Cachia dehru għall-akkużat. L-avukat Nicholas Mifsud deher għall-vittma.