Il-Qorti tiċħad it-talba ta’ Excel Sis biex tirrevoka sekwestru ta’ €3.3 miljun favur Polidano Brothers

Il-Qorti ċaħdet it-talba mressqa mill-kumpanija Excel Sis Enerji Üretim Limited sabiex tirrevoka mandat ta’ sekwestru li jammonta għal aktar minn tliet miljun ta’ ewro, maħruġ favur Polidano Brothers Limited bħala ħlas għal servizzi u materjal ipprovduti

Nhar it-Tlieta, il-Qorti kkonkludiet li s-sekwestru kien ġustifikat, minkejja l-argumenti ta’ Excel Sis li sostnew li ma kienx hemm biżżejjed provi dokumentarji, fosthom “delivery notes” iffirmati.

Excel Sis sostnew li l-ammont sekwestrat ma kienx ġustifikat skont il-liġi, u spjegaw li, għalkemm kienu lesti jħallsu madwar €356,000, Polidano Brothers kienu qed jitolbu miljuni oħra għal xogħol li allegatament sar bejn Jannar u Marzu tal-2021, iżda li għalih qatt ma nħarġu fatturi.

Il-kumpanija ilmentat ukoll li ma ġewx ippreżentati “delivery notes” iffirmati li jikkonfermaw li tal-materjal u s-servizzi ġew provduti.
Min-naħa tagħhom, Polidano Brothers spjegaw li s-somma mitluba kienet ir-riżultat ta’ eżerċizzju dettaljat ta’ rikonċiljazzjoni ta’ kontijiet relatati ma’ diversi proġetti madwar Malta li ħadmu fuqhom Excel Sis. 

Huma ppreżentaw ukoll dokumentazzjoni li turi kif Excel Sis kienu diġà rrikonoxxew, permezz ta’ emails, l-eżistenza ta’ dejn li jaqbeż il-miljun ewro.

L-Imħallef Giovanni Grixti osserva li bejn iż-żewġ kumpaniji kienet teżisti relazzjoni kummerċjali fit-tul. Huwa qal li mhuwiex straordinarju li f’relazzjonijiet bħal dawn jinqalgħu żbalji fil-kontijiet li mbagħad jiġu rranġati.

Il-Qorti tat importanza wkoll lill-fatt li Excel Sis stess dehru li aċċettaw li kien hemm ammont pendenti li jlaħħaq madwar terz tas-somma totali mitluba.

Il-Qorti enfasizzat li biex mandat ta’ sekwestru jibqa’ fis-seħħ, huwa biżżejjed li, prima facie, jidher li hemm bażi valida għat-talba.
Fid-dawl tar-relazzjoni kummerċjali eżistenti u n-natura tal-fatti, il-Qorti kkonkludiet li n-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni ma ġiex ippruvat.

Għaldaqstant, it-talba ta’ Excel Sis ġiet miċħuda u l-mandat ta’ sekwestru baqa’ fis-seħħ. 

L-ispejjeż tal-każ ġew riżervati għas-sentenza finali fil-kawża prinċipali.

More in Qrati u Pulizija