Żagħżugħ ta’ 24 sena minn Bormla ġie kkundannat 18-il xahar ħabs effettiv wara li ammetta għal sensiela ta’ reati relatati mas-sewqan, inkluż li saq mingħajr liċenzja u kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
Il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia sabet lil Usri Mifsud ħati f’każ li jmur lura għal Settembru 2025, meta kien involut f’inċident tat-traffiku fil-Gżira waqt li kien qed isuq vettura mingħajr liċenzja.
Wara l-inċident, huwa naqas milli jieqaf u jipprovdi d-dettalji tiegħu kif titlob il-liġi, u b’dan kiser ukoll kundizzjonijiet imposti fuqu minn digriet preċedenti ta’ ħelsien mill-arrest.
Matul il-proċeduri, il-Qorti semgħet kif l-imputat għandu storja personali diffiċli u nuqqas ta’ appoġġ soċjali.
Ġie spjegat li kellu tfulija diffiċli u sa minn età żgħira kien diġà qed jiffaċċja diffikultajiet serji fl-imġiba, tant li spiċċa jgħix f’istituzzjoni meta kien għadu adolexxenti.
Aktar ’il quddiem, żviluppa wkoll problema ta’ abbuż ta’ droga meta kien għadu minuri. Intqal ukoll li ż-żagħżugħ għadda minn trawmi li qatt ma ġew indirizzati b’mod adegwat wara li telaq mill-istitut.
Rapport tal-probation irrakkomanda li jingħata ordni ta’ probation biex jingħata għajnuna u gwida, iżda l-Qorti ma qablitx.
Il-Maġistrat osservat li l-imputat wera nuqqas ta’ affidabbiltà, fosthom meta naqas milli jidher il-Qorti u meta kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti enfasizzat li, f’dan il-każ, id-detenzjoni mhijiex biss piena iżda wkoll opportunità ta’ rijabilitazzjoni. Ġie nnutat li l-imputat għandu bżonn intervent serju li diffiċli jsir barra minn ambjent ikkontrollat.
Minbarra t-tmintax-il xahar ħabs, il-Qorti ordnat il-konfiska ta’ €1,800 f’depożitu u garanzija personali.
Huwa ġie lliberat minn akkuża waħda, dik li wettaq ir-reati waqt perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża, peress li l-prosekuzzjoni naqset milli tippreżenta l-provi meħtieġa u l-perjodu kien diġà skada.