Eks nutar ikkundannat sentejn ħabs sospiżi wara li approprja flejjes tal-klijenti

Il-Qorti ssib lil Pierre Falzon ħati li żamm flus fdati lilu għal snin sħaħ u ma għaddiehomx għar-reġistrazzjoni ta’ proprjetajiet, u tordnalu wkoll iħallas lura €54,162 lil waħda mill-vittmi

Eks nutar ta’ 65 sena ġie kkundannat sentejn priġunerija sospiżi għal erba’ snin wara li nstab ħati li approprja eluf ta’ ewro mingħand diversi klijenti li fdawh biex jirreġistra kuntratti u jħallas it-taxxi dovuti.

Pierre Falzon ġie akkużat li, bejn l-2012 u s-snin ta’ qabel, fil-kapaċità tiegħu ta’ nutar pubbliku, naqas milli jgħaddi flejjes dovuti lid-

Dipartiment tat-Taxxi Interni kif ukoll milli jirreġistra kuntratti ta’ bejgħ u xiri ta’ proprjetà.

Din mhijiex l-ewwel sentenza kontra Falzon, hekk kif huwa kien diġà nstab ħati ta' misapproprijazzjoni f’diversi kawżi oħra u kien irrinunzja l-warrant ta’ nutar. 

Falzon kien telaq telaq mill-gżejjer Maltin lejn Spanja fl-2011, fejn ġie arrestat permezz ta’ Warrant ta’ Arrest Ewropew u  ġie estradit lejn Malta. 

Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Ian Joseph Abdilla, ressqet seba’ akkużi marbuta ma’ diversi pagamenti li seħħew f’diversi lokalitajiet madwar Malta fosthom Ħal Tarxien, l-Iklin, il-Mosta, San Pawl il-Baħar, il-Gżira u Birżebbuġa.

Mill-provi li tressqu fil-Qorti rriżulta li l-klijenti kienu jgħaddu somom sostanzjali ta’ flus lil Falzon biex iħallas it-taxxi u l-bolol dovuti, iżda meta dawn kienu jagħmlu l-verifiki tagħhom fir-Reġistru Pubbliku, kienu jsibu li l-proprjetajiet ma kinux irreġistrati fuq isimhom.

F’każ partikolari li jinvolvi familja mill-Mosta, Falzon kien irċieva s-somma ta’ Lm65,700 (€153,039) fl-2007, iżda sal-2014 il-kuntratt kien għadu ma ġiex irreġistrat.

Vittma oħra xehed li meta pprova jbigħ art li kien xtara fl-Iklin, skopra li din ma kinitx irreġistrata fuqu. Dan wasslu biex kellu jħallas mill-ġdid il-flus li kien ħallas għall-art sabiex ikun jista’ jikkonkludi l-bejgħ. 

Huwa żied li inizjalment Falzon kien beda jħallsu lura b’pagamenti żgħar, iżda mbagħad waqaf jirrispondi, u dan wassal biex infetħu proċeduri ċivili.

Id-difiża sostniet li Falzon ma kellux l-intenzjoni li jiffroda lill-klijenti tiegħu, u li dak li ġara kien riżultat ta’ negliġenza professjonali f’perjodu diffiċli f’ħajtu. 

Falzon stqarr li dak iż-żmien kien għaddej minn problemi finanzjarji serji, filwaqt li martu kienet marida u kellu jivvjaġġa spiss magħha, u dan wasslu biex jittraskura x-xogħol tiegħu.

Huwa spjega wkoll li minħabba mandati ta’ sekwestru kontrih, kien qed jiddepożita ċ-ċekkijiet tal-klijenti f’kontijiet ta’ kumpaniji tiegħu jew f’isem martu, sabiex aktar tard joħroġ bank draft favur id-dipartiment tat-taxxa.

Madankollu, il-Qorti ma aċċettatx li dan kien każ ta’ negliġenza biss. Fis-sentenza tagħha mogħtija t-Tlieta il-Maġistrat Ann Marie Thake osservat li l-klijenti fdaw il-flus lill-imputat sabiex il-kuntratti tagħhom jiġu rreġistrati fi żmien raġonevoli, u mhux wara snin twal.

Il-Qorti nnutat ukoll li l-fatt li l-flus ġew impoġġija f’kontijiet ta’ terzi mingħajr il-kunsens tal-klijenti jikkonferma l-element ta’ approprjazzjoni indebita.

Falzon instab ħati ta’ sitta mis-seba’ akkużi miġjuba kontrih, u ġie meħlus minn akkuża waħda relatata ma’ kuntratt fil-Gżira, fejn irriżulta li d-dewmien ma kienx tort tiegħu.

Meta waslet biex tiddeċiedi l-piena, il-Qorti kkunsidrat diversi fatturi, fosthom l-età tal-imputat, il-fatt li l-każ ilu pendenti għal 13-il sena, u rapport tal-uffiċjal tal-probation li jindika li Falzon sab impjieg klerikali u qed juża d-dħul tiegħu biex iħallas lura lill-vittmi.

Ġie nnutat ukoll li ħafna mill-vittmi kienu diġà ġew ikkumpensati jew li l-kuntratti tagħhom ġew irreġistrati qabel ma bdew il-proċeduri kriminali.

Minkejja s-serjetà tar-reat, il-Qorti kkonkludiet li piena ta’ priġunerija effettiva ma kinitx meħtieġa, peress li Falzon ma jitqiesx bħala periklu għas-soċjetà u diġà tilef il-warrant tiegħu. 

Għaldaqstant, is-sentenza ta’ sentejn ħabs ġiet sospiża għal erba’ snin.

Fl-istess waqt, il-Qorti ordnat lil Falzon iħallas €54,162 lil klijenta oħra fi żmien sitt xhur.

More in Qrati u Pulizija