Il-linja tal-ajru Ryanair ordnata tħallas €502 lil passiġġier wara titjira kkanċellata

It-Tribunal għal Talbiet Żgħar iddeċieda favur passiġġier li kellu jixtri biljett ma’ linja tal-ajru oħra wara li Ryanair ikkanċellatlu t-titjira u offrietlu biss rifużjoni minflok vjaġġ alternattiv

Alexander Eriksen rebaħ kawża kontra Ryanair Holdings plc wara li t-Tribunal għat-Talbiet Żgħar, ippresedut mill-Avukat Christopher Chircop, sab li l-kumpanija naqset milli tħares l-obbligi tagħha skont il-liġijiet Ewropej. 

Eriksen ingħata €502 biex ikopri l-ispejjeż li ġarrab meta xtara biljett ġdid mal-Lufthansa, wara li t-titjira oriġinali tiegħu minn Malta lejn Billund, fid-Danimarka, ġiet ikkanċellata.

Il-każ imur lura għall-5 ta’ Frar 2026, meta l-kumpanija Ryanair infurmat lil Eriksen li t-titjira tiegħu, skedata għat-30 ta’ Marzu 2026, kienet ġiet ikkanċellata. Il-kumpanija sostniet li l-passiġġier ma kellux dritt għal kumpens peress li kien infurmat aktar minn 14-il jum qabel. 

Skont il-liġijiet Ewropej, meta titjira tiġi kkanċellata, il-passiġġier għandu jingħata għażla bejn rifużjoni sħiħa, titjira alternattiva lejn id-destinazzjoni finali mill-iżjed fis, jew titjira alternattiva f’data oħra li jagħżel il-passiġġier. 

Minkejja li Eriksen talab b’mod ċar li jingħata titjira alternattiva, Ryanair infurmatu li ma kien hemm ebda titjira disponibbli u offrietlu biss rifużjoni tal-flus tal-passaġġ.

Id-dokumenti ppreżentati fit-Tribunal urew li l-kumpanija kienet taf bix-xewqa tal-passiġġier għal titjira oħra, iżda xorta naqset milli tipprovdi din l-għażla. B’konsegwenza ta’ dan, Eriksen kellu jixtri l-orħos biljett li seta’ jsib fis-suq mingħand Lufthansa, li swieh €502.

It-Tribunal osserva li, ladarba l-linja tal-ajru naqset milli toffri r-re-routing kif mitlub mil-liġi, hija kellha terfa’ r-responsabbiltà għall-ispejjeż li l-passiġġier ikun ġarrab sabiex jasal fid-destinazzjoni tiegħu.

Fis-sentenza mogħtija it-Tlieta, Ryanair ġiet ordnata tħallas lil Alexander Eriksen €502. 

Barra minn hekk, il-kumpanija ġiet ordnata tħallas l-ispejjeż kollha tal-proċeduri lega

More in Qrati u Pulizija