Żewġ irġiel arrestati waqt spezzjonijiet tat-traffiku fuq suspett ta’ traffikar ta’ droga

Żewġ irġiel ġew arrestati mill-pulizija waqt spezzjonijiet tat-traffiku separati wara li fil-vetturi tagħhom instabu diversi sustanzi suspettati bħala droga, pilloli ecstasy u ammont ta’ flus kontanti

Ritratt: Pulizija ta' Malta
Ritratt: Pulizija ta' Malta

Żewġ irġiel ġew arrestati mill-pulizija waqt spezzjonijiet tat-traffiku li saru nhar l-Erbgħa, wara li allegatament instabu fil-pussess ta’ diversi sustanzi suspettati li kienu maħsuba għat-traffikar.

Fl-ewwel każ, raġel ta’ 26 sena miż-Żejtun ġie arrestat waqt kontrolli tat-traffiku li kienu qed isiru f’Dawret il-Gudja, il-Gudja. Skont il-pulizija, waqt li l-uffiċjali kienu qed jitkellmu miegħu, ir-raġel deher jitfa’ oġġett fuq is-sedil ta’ wara tal-vettura.

Tfittxija fuq ir-raġel u fil-karozza wasslet biex instabu diversi sachets li kien fihom sustanzi suspettati li huma reżina tal-kannabis u MDMA, madwar 20 pillola suspettati li huma ecstasy, kif ukoll sachet li kien fih trab roża.

Il-pulizija sabu wkoll tliet mobile phones u ammont ta’ flus kontanti.

Aktar tfittxijiet saru fir-residenza tar-raġel fi Triq l-Isqof Antonia Zahra, iż-Żejtun, fejn instabu grinders u boroż li kien fihom frak ta’ sustanza suspettata li hija kannabis, kif ukoll aktar flus kontanti u arma tan-nar falza.

Aktar tard, waqt spezzjoni oħra tat-traffiku fuq il-bypass tal-Mrieħel, ġie arrestat raġel ieħor ta’ 21 sena minn Birkirkara wara li qajjem suspett li seta’ kellu sustanzi illegali fil-karozza.

Tfittxija fil-vettura wasslet biex instabu sachets li kien fihom sustanzi suspettati li huma kannabis, kokaina u trab roża, flimkien ma’ grinder.

Ir-raġel ta’ 26 sena mistenni jitressaq il-Qorti nhar il-Ħamis għall-ħabta tas-1pm quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo.

Intant, ir-raġel l-ieħor mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin.

More in Qrati u Pulizija