Raġel li staħba taħt trakk biex jisraq minn ġewwa l-Kumpless tat-Transport Malta jingħata ordni ta’ probation

L-uffiċjala tal-pulizija sabu r-raġel mistoħbi taħt trakk biex jidħol jisraq ġewwa l-Kumpless tliet darbiet

 

Matthew Zammit ta’ 39 sena nstab ħati nhar l-Erbgħa talli ħeba taħt trakk biex jidħol jisraq minn ġewwa l-Kumpless tat-Transport Malta bejn il-lejl tas-6 u s-7 ta’ Frar, it-tieni istanza fis-6 ta’ Marzu, u t-tielet darba bejn id-9 u l-10 ta’ Marzu. 

L-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu kienu li bil-ħsieb li jikkommetti serq ta’ flus jew oġġetti, wera dan il-ħsieb b'atti esterni u ta’ bidu għall-eżekuzzjoni tat-tali delitt, liema delitt ma ġiex esegwit minħabba xi haġa esterna mill-volontà tiegħu. Kieku tali serq sar, kien ikun ikkwalifikat bil-mezz, bil-lok, bil-ħin, u bix-xorta tal-ħaġa misruqa għad-detriment ta’ Transport Malta. 

Dan l-attentat serq sar fuq tliet okkażjonijiet waqt il-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża mogħtija mill-Maġistrat Gianella Camilleri Busuttil nhar id-19 ta’ April 2024.

Il-ħati kkonferma l-ammissjoni tal-ħtija tiegħu. 

Il-qorti, fid-dawl tal-akkużi miġjuba kontrih, estendiet l-perjodu operattiv tas-sentenza sospiża għal żmien sentejn, imponiet ordni ta’ probation għal tliet snin, kif ukoll ordni ta’ trattament għal żmien sentejn.

“Ħajtek taqbadha mill-qrun u tpoġġiha fit-triq it-tajba”, qalet il-qorti. 

Il-Maġistrat Leonard Caruana ddeċieda l-piena tal-akkużat.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukata Marcea Fenech mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali, flimkien mal-Ispetturi James Turner u Kelsey Bugeja. 

L-avukat difensur Jacob Magri deher għall-akkużat.

More in Qrati u Pulizija