Il-Qorti tal-Appell tikkonferma l-ħtija ta’ uffiċjal pubbliku għal fastidju sesswali f’Mater Dei

Ir-rapport soċjali u l-appoġġ tal-familja wasslu biex il-Qorti tissospendi s-sentenza ta’ sentejn priġunerija għal erba’ snin.

Raġel ta’ 56 sena li kien jaħdem ġewwa l-isptar Mater Dei kien instab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati f’Ottubru li għadda li sal-2016 kien qed juża l-kariga tiegħu bħala uffiċjal pubbliku biex jikkommetti atti li joffendu l-pudur u jagħtu fastidju sesswali lil impjegata oħra fl-istess sptar.

Fost l-akkużi li kien qed jaffaċċja, il-vittma spjegat kif l-imputat kien jibgħatilha bosta messaġġi ta’ fastidju fuq il-pager tagħha. Ġie allegat li hu sakkar il-bieb tal-uffiċċju tiegħu u talabha tikxef sidirha, kif ukoll li f’istanza oħra pprova jħokk il-parti privata tiegħu ma’ daharha filwaqt li talabha twettaq atti sesswali fuqu.

L-Ewwel Qorti kienet ikkundannatu għal sentejn priġunerija effettiva u multa ta’ €15,000, flimkien mal-ħlas tal-ispejjeż tal-esperti li jammontaw għal aktar minn €1,500.

L-appell
L-appellant ressaq tliet aggravji ewlenin kontra s-sentenza oriġinali.

Huwa argumenta li l-multa’ ta’ €15,000 kienet taqbeż il-parametri legali. Sostna li l-provi miġjuba ma kinux biżżejjed, u li l-verżjoni tal-vittma ma kinitx kredibbli. Qal ukoll li l-ħabs ma kienx ideali għalih, minħabba li kellu fedina penali nadifa.

Il-konsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Appell
L-Imħallef Camilleri ċaħad l-ewwel żewġ aggravji. Dwar il-multa, il-Qorti nnotat li peress li l-imputat instab ħati ta’ diversi akkużi li kollha ġarrew piena ta’ multa, is-somma totali ta’ €15,000 kienet xierqa.

Dwar il-provi, il-Qorti ddeskriviet lill-vittma bħala waħda konsistenti fix-xhieda tagħha, filwaqt li sabet lill-appellant bħala wieħed inkonsistenti.

Il-Qorti tat importanza kbira lill-messaġġi fuq il-pager, fejn l-appellant kien jistaqsi lill-vittma dwar il-kulur tal-underwear tagħha jew jekk kinitx "shaved". L-ispjegazzjoni tiegħu li dawn kienu "ċajt bejn il-management" ma ġietx emmuna mill-Qorti.
Id-deċiżjoni finali

Minkejja li l-Qorti kkonfermat il-ħtija tiegħu, ħadet nota tas-Social Inquiry Report, li wera li r-raġel igawdi minn appoġġ kbir mill-familja tiegħu u mill-mara tiegħu.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti ddeċidiet li tirriforma l-piena ta’ sentejn priġunerija, billi tissospendiha għal perjodu ta’ erba’ snin u tikkonferma l-multa ta’ €15,000 u l-ħlas tal-ispejjeż tal-Qorti.

L-avukati tad-difiża Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit dehru għall-akkużat.

More in Qrati u Pulizija