“Keith kien qisu l-bank għalija”, jixhdu 8 vittmi fil-kumpilazzjoni tal-familja ta’ Keith Pace
“Ħa niġi nkissirlek il-bieb”, il-Qorti tisma’ kif Keith Pace kien jhedded il-vittmi meta huma ma kinux iħallsuh fil-ħin
minn Kaylyn Linwood
Il-mod tal-pagamenti
L-ewwel vittma stqarret kif sfat taħt idejn Keith Pace, fejn hi qalet lill-Qorti kif marret għand Pace biex isellifha €1000 ewro, fejn hu aċċetta li ttihomlu f’pagamenti ta’ €300 fix-xahar. Ix-xhieda ssellfet aktar, fejn l-arranġament kien li tgħoddlu l-flus lura via Revolut, kif ukoll fi flus kontanti f’idejh. Hi kienet iċċempel l-imputat minn jheddha biex ittih il-flus lura, u tmur ġor-residenza tiegħu l-Marsa.
Fil-kontro-eżami, il-vittma rrispondiet li l-imputat qatt ma wera xi forma ta’ theddid jew pressjoni fuq l-flus li sselfet, u qalet l-Qorti li hi sselfet il-flus biex tħallas lil ħaddieħor.
It-tieni vittma, il-ġara ta’ Keith Pace, irrimarkat kif hi ukoll kienet tissellef mingħandu b’mod regolari, fejn spjegat it-tip ta’ pagament u kemm setgħet taffordja ttih.
Hi sostniet li qattat ftit xhur ġos-sodda marida, u saħansitra Pace kien iżura minn jheddu, mhux biex jistaqsiha għall-ammont ta’ flus li kellha ttih, imma biex jara kif kienet. Madanakollu, il-vittma ssellfet madwar €6000, fejn kienet tgħaddi pagament ta’ €600 fix-xahar. Pace allegatament qalilha li ħa jinqatgħu f’sena, allura €600 kull xahar fuq perjodu ta’ 12-il xahar.
Il-prosekuzzjoni wriet li l-informazzjoni li beda jingħad fl-awla, ma kienx jaqbel max-xhieda tagħha mal-pulizija, fejn hi qalet li kienet tissellef mingħand Keith bejn seba’ u disa’ snin ilu. Hi qalet lill-pulizija li fuq €12,000 self, hi kienet ħallset €7,000 imgħax, u li kienet tnaqqas il-pagament meta ma setgħetx taffordja.
F’dan il-waqt, il-prosekuzzjoni għamlet mistoqsija diretta, fejn hi staqsiet jekk Carlos Pace qatt serqilha l-pjanċi tal-karozza minħabba li kienet qabżet xi pagamenti. Il-Maġistrat dawret il-mistoqsija, u staqsietha jekk qatt kienx hemm konsegwenzi minħabba li hi ma ħallsitx il-pagament.
Il-vittma kkonfermat dan, fejn meta hi kienet marida, il-pulizija ħabtulha fuq il-bieb u għarfuha li l-karozza tagħha kienet mingħajr pjanċi. Dan instab li Carlos Pace serqilha l-pjanċi, però hi qisitha bħala ċajta.
Meta mistoqsija dwar l-atteġjament ta’ Pace, hi sostniet li xi drabi kien jistaqsiha b’ton ta’ ħlewwa, u xi kultant b’ton aggressiv, skont il-burdata tiegħu. Għaldaqstant, il-maġistrat staqsiet lix-xhieda il-kliem eżatt li kien jingħad b’ton aggressiv, fejn qalet li hu kien jgħolli leħnu u jgħidilha “Jien bħalek għandi bżonnhom il-flus”.
“Ħa niġi nkissirlek il-bieb”
Xhieda ewlenija għall-prosekuzzjoni, li għad għandha d-dejn mal-familja Pace, issellfet żewġ ammonti separati ta’ €1300 u €1500, fuq imgħax ta’ €450 fix-xahar. Skont il-vittma, il-ftehim bejnha u bejn Keith Pace kien li troddlu €500 f’Lulju, u l-ammont sħiħ jinqata’ f’Awwissu. Għaldaqstant hi ma setgħetx taffordja dan, u allegatament, Pace kien heddida u ntimidaha.
“Ħa niġi nkissirlek il-bieb”, qal Keith Pace skont il-vittma.
Darba fost l-oħrajn, ix-xhieda qalet li ċemplulha tal-Water Services biex issir żjara r-residenza tagħha, iżda l-vittma sabet lil Keith Pace u lis-sieħba tiegħu, Maria Grixti, wara l-bieb tad-dar tagħha. Huma allegatament hedduha li kienu se jeħdulha kemm il-karozza tagħha, u kemm ta’ binha. Il-koppja żammet iċ-ċwievet għal-post tal-vittma f’Għawdex bħala garanzija li hi kienet se trodd il-flus li ssellfet lura.
“Keith kien qisu l-bank għalija”
Xhieda oħra li spikkat stqarret kif hi bdiet tissellef il-flus mingħand Keith Pace ftit wara l-pandemija tal-COVID-19. Sfortunatament, il-vittma kellha ddur lejn għajnuna finanzjarja mingħand il-Caritas, hekk kif ma setgħetx tħallas il-€1500 li hi ssellfet mingħand Pace.
“Keith huwa persuna b’xeba storbju, xeba għajjat, xeba tkissir, imma fl-aħħar mill-aħħar tirranġa miegħu”, qalet il-vittma.
Il-mara spjegat kif Pace u s-sieħba tiegħu marru wara l-bieb tad-dar tagħha fejn ħadulha l-pjanċi tal-karozza, minħabba l-fatt li hi ma ħallsitx lil Pace fil-ħin. Dawn il-pjanċi ġew irritornati meta l-ħlas tas-self sar.
Il-Qorti semgħet kif l-imgħaxxi li l-vittma kellha trodd lura għand Pace telgħu għal ammont ta’ €17,000.
Kien hemm istanza oħra fejn il-vittma ma setgħetx tħallas il-pagament, u b’hekk tat lil Keith Pace ċwievet għal karozza għamla Kia Sportage miżmuma ġo garaxx. Din ma ċċaqalqetx minn postha, allavolja Pace informa lill-vittma li l-karozza tressqet.
Fil-kontro-eżami, ix-xhieda stqarret li Keith kien “jieħu ħafna paċenzja bija”, kif ukoll li “kien qisu l-bank għalija”.
Il-vittmi kollha sostnew li pjuttost kienu jagħmlu kuntatt mas-sieħba ta’ Keith Pace, Maria Grixti, dwar id-djun li jidħlu għalihom.
Id-deċiżjoni fuq it-talba għall-ħelsien mill-arrest ħa ssir aktar tard illum.
Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco.
Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispettur Leanne Bonello, filwaqt li Neville Galea u Michael Muscat f’isem l-Avukat Ġenerali. Avukati difensuri Arthur Azzopardi, Franco Debono, Marion Camilleri, Adreana Zammit u Jacob Magri dehru f’isem l-akkużati.
