Rapport dwar vjolenza domestika li sar il-Ħadd li għadda wassal għall-arrest ta’ raġel residenti il‑Marsa nhar it-Tnejn għall-ħabta ta’ nofsinhar.
Ir-raġel, li qal li ma jaħdimx, tressaq il-qorti akkużat li kkaġuna biżà lill-eks mara tiegħu li se tintuża vjolenza kontriha, kif ukoll li heddidha.
Il-koppja ilha separata għal madwar 15-il sena.
Minkejja s-separazzjoni, l-imputat kien għadu jmur għand il-mara regolarment biex jara lit-tfal.
Madankollu, tliet snin ilu hija ddeċidiet li ma tibqax tħallih jiltaqa’ magħhom.
Huwa xorta baqa’ jmur id-dar tal-vittma, allegatament minħabba li kellu barumbara fuq il-bejt tad-dar fejn kien jitma’ l-ħamiem. Il-vittma qalet lill-pulizija li bdiet tinnota lill-imputat kullimkien, u allegat li kien isegwiha meta kienet tkun qed tistenna l-karozza tal-linja, meta kienet tmur tixtri, u meta kienet tmur twassal lit-tfal l-iskola.
Madwar xahar ilu hija ddeċidiet li tneħħi l-ħamiem mill-bejt.
Dakinhar stess, qalet li rċeviet telefonata mill-pulizija li talbuha tiġbor il-ħwejjeġ kollha tal-imputat li kien għad fadallu għandha biex ikunu jistgħu jgħadduhomlu. Il-vittma qalet lill-pulizija li tibża’ minnu għax sostniet li għandu karattru possessiv, kif ukoll semmiet inċident fejn l-imputat faqagħlha l-bieb ta’ wara tad-dar.
L-aġir aggressiv tiegħu, li qalet li kien ta’ sikwit, kien qed idejjaqha.
Minħabba dawn iċ-ċirkustanzi, il-vittma marret tagħmel rapport fiċ-Ċentru tal-Vjolenza Domestika ta’ Santa Luċija nhar il-Ħadd. Ir-risk assessment li sarilha hemmhekk irriżulta li tinsab f’periklu estrem.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat peress li l-vittma għadha trid tixhed.
Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma u, fid-dawl tal-biża’ ta’ intralċ tal-provi kif ukoll il-fatt li l-vittma għadha trid tixhed, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Colin Sheldon, filwaqt li l-imputat kien assistit mill-avukat tal-għajnuna legali Sarah Ciliberti.
Is-seduta kienet preseduta mill-Maġistrat Giannella Camilleri Busuttil.