Raġel jingħata l-libertà proviżorja wara akkużi ta’ pussess ta’ kokaina

Raġel ta’ 43 sena wieġeb mhux ħati għal akkużi marbuta mat-traffikar tad-droga wara li allegatament instab fil-pussess ta’ 30 gramma kokaina f’żona viċin post frekwentat miż-żgħażagħ. Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest taħt kundizzjonijiet stretti

Raġel ta’ 43 sena miż-żurrieq tressaq quddiem il-Qorti wara li allegatament instab fil-pussess ta’ madwar 30 gramma kokaina f’żona li tinsab f’distanza ta’ madwar 100 metru minn skola jew post ieħor regolarment frekwentat miż-żgħażagħ.

Il-Pulizija akkużaw lir-raġel b’reati relatati mad-droga, li skont il-liġi huma kkunsidrati aggravati minħabba l-prossimità tal-post fejn seħħ l-allegat reat għal skola, klabb jew żona oħra ta’ laqgħa għaż-żgħażagħ. Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi kollha u talab li jingħata l-libertà proviżorja.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba, u qajmet tħassib dwar il-possibbiltà ta’ tbagħbis tal-provi u interferenza max-xhieda. Fil-Qorti ġie allegat li l-akkużat kien diġà pprova jagħmel ħsara lill-bieb tal-garaxx ta’ wieħed mix-xhieda ċivili involuti fil-każ.

Id-Difiża argumentat li l-provi kollha relevanti jinsabu diġà fil-pussess tal-Pulizija u sostniet li kwalunkwe tħassib dwar is-sigurtà tax-xhud jista’ jiġi indirizzat permezz ta’ ordni ta’ protezzjoni. L-avukati tad-difiża qalu wkoll li l-akkużat irrikonoxxa li għandu problema u wera r-rieda li jfittex għajnuna professjonali.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. L-akkużat ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu fi flus ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €15,000.

Minbarra l-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja, il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma, imponiet ordni ta’ trattament u poġġiet lill-akkużat taħt ordni ta’ superviżjoni temporanja.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Warren Galea flimkien mal-avukat Julian Scicluna f’isem l-Avukat Ġenerali. L-akkużat kien irrappreżentat mill-avukati Alfred Abela u René Darmanin.

More in Qrati u Pulizija