Żewġ uffiċjali ta’ Transport Malta weġġgħu f’inċident tat-traffiku serju li seħħ kmieni dalgħodu, għall-ħabta tan-nofsiegħa, fi Triq tal-Barrani, Ħal Tarxien, waqt li kienu qed jaqdu dmirijiethom.
Il-Pulizija qalet li ġiet infurmata bl-inċident għall-ħabta tas-00.30 u marret immedjatament fuq il-post. Minn stħarriġ preliminari rriżulta li seħħet ħabta bejn BMW 120 misjuqa minn raġel ta’ 24 sena residenti n-Nadur u Mercedes E-Class misjuqa minn raġel ta’ 21 sena residenti Wied il-Għajn.
Il-Mercedes kompliet ħabtet f’Peugeot 208 li kienet wieqfa, li fiha kien hemm iż-żewġ uffiċjali ta’ Transport Malta, ta’ 38 sena u 28 sena. Bl-impatt, il-Peugeot ġiet imbuttata u ħabtet ukoll ma’ Ford Transit li kienet wieqfa fl-istess triq.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet liż-żewġ uffiċjali l-Isptar Mater Dei għall-kura. Aktar tard, l-uffiċjal ta’ 38 sena ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi, filwaqt li l-ieħor sofra ġrieħi ta’ natura ħafifa.
B’reazzjoni għall-inċident, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, f’post fuq Facebook esprima solidarjetà mal-uffiċjali midruba u qal li l-każ ħallieh “b’rabja kbira”. Huwa sostna li kollox jindika li l-inċident seħħ minħabba negliġenza kbira u nuqqas ta’ rispett fit-toroq, u żied li seta’ faċilment ġie evitat.
Bonett saħaq li minkejja l-importanza tal-liġijiet, l-infurzar u l-kampanji ta’ għarfien, hemm bżonn li kull min juża t-toroq jerfa’ r-responsabbiltà personali tiegħu u jirrispetta r-regolamenti u lill-utenti l-oħra tat-triq.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.
Stoyan Gafa ta’ 21 sena wieġeb ħati għal-11-il akkuża, fejn kkawża aċċident serju mal-lejl bejn it-Tlieta u l-Erbġħa u weġġa’ b’mod gravi uffiċjal wieħed, u ġrieħi ħfief uffiċjal ieħor.
L-imputat huwa diġà involut f’aċċident fatali ta’ mara Kolombjana lejliet il-Milied li għadda. F’dak il-każ, hu kien mixli li saq il-vettura ta’ missieru mingħajr assigurazzjoni taħt l-influwenza tal-cannabis.
Il-prosekuzzjoni irreferiet għal aċċident ieħor fl-20 ta’ Diċembru s-sena l-oħra ġewwa Marsaskala fejn persuna kienet weġġgħet gravi, ukoll mingħajr assigurazzjoni.
L-inċident seħħ għal ħabta tan-nofsiegħa ta’ filgħodu fi Triq tal-Barrani, direzzjoni lejn il-Marsa. L-inċident involva kollużjoni bejn erba’ vetturi u ġabet magħha ġrieħi gravi fuq persuna waħda u ġrieħi ħfief fuq persuna oħra, kif ukoll ħsarat diversi fuq il-vetturi, fosthom karozza tat-Transport Malta tal-għamla Peugeot, Ford, u BMW. Skont il-kawża, il-Mercedes involut ma kienx proprjament ta’ Gafa.
Il-prosekuzzjoni qalet lill-Qorti li Gafa kien qed jikser żewġ digrieti ta’ ħelsien mill-arrest f’Mejju 2025 u Jannar 2026. Għalhekk, il-kundizzjonijiet preċedenti tal-ħelsien mill-arrest, inklużi €2,000 u €30,000 garanzija personali, ma kinux biżżejjed bħala deterrent.
Skont il-pulizija, irriżulta li t-test tal-breathaliser kien negattiv. Min-naħa l-oħra, kampjun tal-urina wera li l-imputat kien ikkonsma l-cannabis. Hu stqar li hu ħati, u wara li kkomunika mal-avukat u l-Qorti infurmatu li l-piena ġġorr magħha priġunerija, hu xorta kkonferma li hu ħati.
Il-każ, li jinkludi allegazzjonijiet ta’ sewqan perikoluż u ksur tal-bail ħa jkompli jinstema’ fid-19 ta’ Frar.
Maġistrata Monica Vella iprresediet fuq is-seduta.
Il-prosekuzzjoni ġiet immexxija minn Spetturi Clive Abela u Nathan Bugeja, fejn avukata ta’ għajnuna legali Nadya Fiott irrappreżentat lil Gafa.