Operazzjoni ta’ użura u ħasil ta’ flus immexxija mill-familja ta’ Keith Pace wasslet biex instabu €120,000 fi flus kontanti moħbija ġewwa residenza

Sitt membri tal-familja Pace, inkluż missier, ulied u nanniet, tressqu l-Qorti b’akkużi serji ta’ ħasil ta’ flus u użura, f’każ li fih il-Pulizija qalet li diġà ġew identifikati madwar 50 vittma u nstabu eluf kbar ta’ ewro fi flus kontanti moħbija f’diversi proprjetajiet

Carlos Pace jitbissem għall-kameras waqt li qed jiġi skortat lejn il-qorti mill-pulizija (Ritratt: James Bianchi/MaltaToday)
Carlos Pace jitbissem għall-kameras waqt li qed jiġi skortat lejn il-qorti mill-pulizija (Ritratt: James Bianchi/MaltaToday)

Keith Pace, ta’ 45 sena, minn Santa Venera, is-sieħba tiegħu Maria Rosaria Grixti, ta’ 49 sena, binha Cleaven Pace, ta’ 20 sena, u ibnu Carlos Pace, ta’ 24 sena, kif ukoll il-ġenituri ta’ Keith – Lawrence Pace, ta’ 73 sena, u Emanuela Pace, ta’ 72 sena nstabu akkużati b’reati relatati ma’ ħasil ta’ flus u użura.

Keith Pace b’ġakketta blu, kompla jagħti struzzjonijiet lis-sieħba tiegħu anke waqt li kien il-ħabs (Ritratt: James Bianchi/MaltaToday)
Keith Pace b’ġakketta blu, kompla jagħti struzzjonijiet lis-sieħba tiegħu anke waqt li kien il-ħabs (Ritratt: James Bianchi/MaltaToday)

Mal-wasla tagħhom fil-Qorti, il-maġistrata indirizzat lil ulied Keith Pace, b’mod partikolari lil Carlos, u wissiethom biex ma jitkellmux u ma jagħmlux ġesti b’idejhom lejn il-Qorti.

Cleavon Pace jgħatti wiċċu hekk kif jiġi skortat fil-qorti (Ritratt: James Bianchi/MaltaToday)
Cleavon Pace jgħatti wiċċu hekk kif jiġi skortat fil-qorti (Ritratt: James Bianchi/MaltaToday)

Il-Pulizija wettqet operazzjoni kmieni nhar it-Tnejn filgħodu f’dawn iż-żoni, fejn is-suspettati allegatament kienu jmexxu n-negozju illegali tagħhom. S’issa, l-investigaturi identifikaw madwar 50 vittma li allegatament sofrew minn dawn l-attivitajiet. 

Din mhix l-ewwel darba li l-familja Pace tispiċċa fiċ-ċentru tal-aħbarijiet minħabba allegazzjonijiet kriminali. Carlos Pace ta’ 23 sena u Cleaven Pace ta’ 20 sena kienu fost dawk mixlija bis-serqa ta’ aktar minn 200 kilo reżina tal-kannabis li kienet inqabdet u miżmuma fil-kwartieri tal-AFM f’Frar tal-2025. Iż-żewġ aħwa kienu ngħataw il-ħelsien mill-arrest f’dak il-każ. 

Lawrence Pace kellu Jaguar irreġistrat f’ismu (Ritratt: James Bianchi/MaltaToday)
Lawrence Pace kellu Jaguar irreġistrat f’ismu (Ritratt: James Bianchi/MaltaToday)

Fatti tal-arrest
Il-prosekuzzjoni qalet li mill-investigazzjonijiet irriżulta li Keith Pace allegatament qatt ma ħadem b’mod leġittimu biex jiġġustifika l-assi li għandu.
Il-qorti semgħet kif instabu madwar €120,000 fi flus kontanti moħbija f’żewġ proprjetajiet fil-Marsa, inkluż wara l-fuklar u fis-suffetti. F’dar oħra relatata ma’ Lawrence u Emanuela Pace, omm u missier Keith Pace, instabu €29,000 fi flus kontanti. Instabu wkoll żewġ vetturi lussużi f’isem il-koppja – Jaguar u Corvette – b’valur stmat ta’ madwar €120,000 fuq waħda minnhom. 

Emanuela Pace bi flokk aħdar, kellha Corvette rreġistrata f’isimha (Ritratt: James Bianchi/MaltaToday)
Emanuela Pace bi flokk aħdar, kellha Corvette rreġistrata f’isimha (Ritratt: James Bianchi/MaltaToday)

Skont il-prosekuzzjoni, minn telefonati li Keith Pace allegatament għamel mill-ħabs, huwa kien qed jagħti struzzjonijiet dwar self ta’ flus u l-ġbir tal-imgħax lis-sieħba tiegħu Maria Rosaria Grixti, li kienet qed tmexxi l-operat, u li hija kienet qed tieħu sehem attiv fil-ġbir tal-użura. 

Maria Rosaria Grixti, is-sieħba ta’ Keith Pace, irċeviet struzzjonijiet mingħandu biex tkompli bl-operazzjoni tal-usura waqt li kien il-ħabs (Ritratt: James Bianchi/MaltaToday)
Maria Rosaria Grixti, is-sieħba ta’ Keith Pace, irċeviet struzzjonijiet mingħandu biex tkompli bl-operazzjoni tal-usura waqt li kien il-ħabs (Ritratt: James Bianchi/MaltaToday)

L-akkużati kollha wieġbu li mhumiex ħatja. 

Ħelsien mill-arrest
Il-ħelsien mill-arrest ġie mitlub għal Lawrence Pace u Emanuela Pace prinċipalment għal raġunijiet mediċi, bil-avukati tad-difiża jisħqu fuq l-età avvanzata tagħhom u l-problemi serji tas-saħħa. Il-prosekuzzjoni ma kkontestatx il-ħelsien tagħhom, u osservat li l-involviment tagħhom jidher li kien f’livell differenti mill-bqija tal-familja, għalkemm talab għal kundizzjonijiet stretti.

It-talba tagħhom għall-ħelsien mill-arrest se tiġi deċiża aktar tard illum.

Il-ħelsien mill-arrest ġie mitlub ukoll għal Maria Grixti, fejn għalkemm id-difiża argumentat li Maria Grixti għandha tifel żgħir u kienet se tikkonforma ma’ kwalunkwe kundizzjoni imposta, il-prosekuzzjoni osservat li t-tifel bħalissa qiegħed fi ħdan il-qraba. B’hekk, il-qorti ċaħdet it-talba tagħha għall-ħelsien mill-arrest u ma ntalab l-ebda ħelsien għall-oħrajn akkużati.

Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrata Monica Vella.

Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispettur Leanne Bonello, filwaqt li Neville Galea u Michael Muscat f’isem l-Avukat Ġenerali.  Avukati difensuri Arthur Azzopardi, Franco Debono, Marion Camilleri, Adreana Zammit u Jacob Magri dehru f’isem l-akkużati.

More in Qrati u Pulizija