Raġel ta’ 72 sena, John Camilleri, ġie kkundannat wara li ammetta għal diversi imputazzjonijiet relatati ma’ reati ta’ natura sesswali, fastidju u arrest illegali ta’ żewġ nisa.
Camilleri, residenti San Pawl il-Baħar, kien akkużat li wettaq atti ta’ natura sesswali mingħajr il-kunsens ta’ żewġ vittmi. Huwa kien akkużat ukoll li, mingħajr awtorità skont il-liġi, arresta jew żamm lill-istess vittmi kontra r-rieda tagħhom bħala mezz biex iġiegħlhom jagħmlu jew joqogħdu għal atti li joffendu l-mistħija tas-sess tagħhom.
Barra minn hekk, l-imputat ġie akkużat li aġixxa b’mod li kkawża fastidju u biża’ li setgħet tintuża vjolenza kontra l-vittmi kif ukoll li uża mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika b’mod mhux xieraq.
Fis-seduta tat-3 ta’ Settembru 2025, Camilleri irreġistra ammissjoni għall-imputazzjonijiet kollha miġjuba kontrih. Il-Qorti wissietu dwar il-konsegwenzi serji ta’ tali ammissjoni, inkluż il-fatt li kien qed jiffaċċja piena massima ta’ sa 14-il sena priġunerija u multa ta’ €37,500. Wara li ngħata ż-żmien biex jikkonsulta mal-avukat difensur tiegħu, l-imputat ikkonferma l-ammissjoni tiegħu.
Il-Qorti semgħet ukoll ix-xhieda tal-Uffiċjal tal-Probation u rat ir-rapport ta’ qabel is-sentenza, li fih ġie indikat li minkejja l-ammissjoni tiegħu, l-imputat ma wera l-ebda rimors u sostna li l-aġir tiegħu kien “vendikazzjoni”. Ir-rapport irrimarka wkoll li l-imputat għandu bżonn intervent professjonali biex jindirizza problemi ta’ natura sesswali, sabiex jitnaqqas ir-riskju li reati simili jerġgħu jirrepetu ruħhom.
Fit-trattazzjoni finali fuq il-piena, kemm il-Prosekuzzjoni kif ukoll id-Difiża indikaw li ma kinux jinsistu fuq piena ta’ ħabs effettiv, iżda fuq piena riformattiva fl-interess li ma jerġgħux iseħħu inċidenti simili.
Il-Qorti sabet lill-imputat ħati tal-akkużi kollha u kkundannatu għal Ordni ta’ Probation għal perjodu ta’ tliet snin, b’kundizzjonijiet stretti, inkluż li jsegwi trattament relatat mal-imgieba tiegħu ta’ natura sesswali.
Il-Qorti ħarġet ukoll Ordni ta’ Trażżin għal perjodu ta’ tliet snin favur iż-żewġ vittmi, biex tipprovdi għas-sigurtà tagħhom, u wissiet lill-ħati bil-konsegwenzi serji jekk jikser il-kundizzjonijiet tal-probation jew tal-ordni ta’ trażżin.