Eks-uffiċjal tal-Pulizija kkundannat għal sentenza sospiża wara li xerred ritratti sesswali privati

L-akkużat irreġistra ammissjoni volontarja u inkondizzjonata għall-akkużi kollha wara li ġie mwissi mill-Qorti dwar il-konsegwenzi legali ta’ tali ammissjoni u ngħata l-ħin biex jerġa’ jikkunsidra d-deċiżjoni tiegħu.

Eks-uffiċjal tal-Pulizija, ġie kkundannat mill-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Dr Jean Paul Grech, wara li ammetta li xerred ritratti sesswali privati mingħajr il-kunsens tal-vittma, kif ukoll li uża mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika b’mod mhux xieraq.

Il-każ kien jirrigwarda fatti li seħħew bejn l-1 ta’ Awwissu u l-20 ta’ Settembru 2024, meta l-akkużat, li dak iż-żmien kien għadu jservi bħala uffiċjal tal-Pulizija, ikkawża dwejjaq u ħsara emozzjonali lill-vittma billi ħa u xerred ritratti sesswali privati tagħha ma’ terzi persuni. Il-Qorti semgħet kif l-akkużat wettaq ukoll reat li, minħabba l-kariga tiegħu bħala uffiċjal pubbliku, kellu d-dmir li jissorvelja u jipprevjeni.

Mill-provi mressqa rriżulta li l-vittma kienet iltaqgħet miegħu wara li dan kien biegħilha rota għat-tfal tagħha, u li bejniethom żviluppat relazzjoni li wasslet biex il-vittma tibgħatlu ritratti intimi tagħha. Aktar tard ġie skopert li dawn ir-ritratti kienu ngħaddew lil persuni oħra mingħajr il-kunsens tagħha, fatt li wassal biex il-każ jiġi rrappurtat lill-Pulizija.

L-akkużat irreġistra ammissjoni volontarja u inkondizzjonata għall-akkużi kollha wara li ġie mwissi mill-Qorti dwar il-konsegwenzi legali ta’ tali ammissjoni u ngħata l-ħin biex jerġa’ jikkunsidra d-deċiżjoni tiegħu.

Fid-dawl ta’ din l-ammissjoni, il-Qorti sabet lil Bajada ħati tal-akkużi kollha u kkundannatu għal multa ta’ €4,500 u sentenza ta’ sena ħabs sospiża għal sentejn. Il-Qorti enfasizzat li, minkejja li l-akkużat għandu fedina penali netta u ammetta fi stadju bikri, ir-reati huma aktar gravi peress li twettqu minn persuna li kienet fdata bl-infurzar tal-liġi.

Il-Qorti rrimarkat li każijiet bħal dawn jistgħu jimminaw il-fiduċja tal-pubbliku fil-Korp tal-Pulizija u jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni tal-maġġoranza tal-uffiċjali li jaqdu dmirhom b’integrità.

Barra minn hekk, il-Qorti ħarġet ordni ta’ trażżin għal perjodu ta’ tliet snin biex tipprovdi għas-sigurtà tal-vittma, filwaqt li wissiet lill-ħati bil-konsegwenzi serji li jistgħu jirriżultaw jekk jikser tali ordni, filwaqt li ġie ordnat ukoll iħallas €1,161.60 fi spejjeż relatati mal-ħatra ta’ espert fil-proċeduri.

More in Qrati u Pulizija