Mara ta’ 72 sena weġġgħet gravi wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku li seħħ f’Raħal Ġdid kmieni t-Tlieta filgħodu.
Skont stqarrija mill-Pulizija, l-inċident seħħ għall-ħabta tas-7.30am fi Triq Ħal Luqa, meta l-anzjana ntlaqtet minn vettura Nissan Micra misjuqa minn mara ta’ 26 sena.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna lill-mara, qabel ma ttieħdet l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza. Aktar tard, hija ġiet iċċertifikata li qed isofri minn ġrieħi gravi.
Il-Pulizija qalet li l-investigazzjonijiet dwar iċ-ċirkostanzi li wasslu għal dan l-inċident għadhom għaddejjin.