19-il sena ħabs u €35,000 multa għall-importazzjoni ta’ kważi 24 kilo kannabis

Raġel ta’ 34 sena weħel dsatax-il sena ħabs u mmultat €35,000 wara li ammetta li importa f’Malta kważi 24 kilo kannabis

Raġel ta’ 34 sena ġie kkundannat 19-il sena ħabs u mmultat €35,000 wara li ammetta l-importazzjoni u t-traffikar ta’ kannabis grass li kienet tiswa aktar minn €263,000 fis-suq.

Hew Jun Hui kien akkużat b’erba’ capi ta’ akkuża relatati mad-droga, fosthom li kkaġuna l-importazzjoni tal-kannabis, li kien involut ma’ oħrajn fit-traffikar, kif ukoll li kellu d-droga f’ċirkostanzi li jindikaw li ma kinitx għall-użu personali tiegħu.

Il-każ idur madwar madwar 24 kilo kannabis li nġiebet Malta minn Dubai. Ix-xhieda tal-Ispettur tad-Dwana Anthony Scerri spjegat kif waqt kontroll ta' rutina fl-Ajruport ta’ Luqa, kelb tal-pulizija indika lejn żewġ bagalji li mbagħad inġabru mill-akkużat, li ġie arrestat fuq il-post.

L-espert tal-qorti Gilbert Mercieca kkonferma li s-sustanza analizzata kienet kannabis b’piż totali ta’ 23.915 kilogrammi, b’valur stimat ta’ €263,065.

Is-sentenza segwiet rakkomandazzjoni konġunta bejn l-Avukat Ġenerali u d-difiża, ippreżentata fit-13 ta’ Novembru 2025. Il-Qorti, preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, ikkunsidrat il-kundizzjoni tal-akkużat li ma kellux rekord kriminali f’Malta u l-ammissjoni tiegħu qabel il-preżentata ta’ Bill of Indictment – għalkemm mhux fl-aktar stadju bikri.

Minbarra l-piena ta’ priġunerija – li minnha jitnaqqas iż-żmien li diġà qatta’ arrestat – u l-multa, il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska ta’ kull proprjetà li tappartjeni lill-kundannat, kif ukoll il-ħlas ta’ €7,865.33 f’ispejjeż tal-esperti u tal-inkjesta. Jekk dawn l-ispejjeż ma jitħallsux fi żmien sena, jistgħu jiġu kkonvertiti f’aktar ħabs.

Il-Qorti ordnat ukoll li l-kannabis maqbuda tiġi meqruda wara li s-sentenza ssir definittiva, sakemm l-Avukat Ġenerali ma jiddikjarax fi żmien 15-il ġurnata li s-sustanza hija meħtieġa għal proċeduri kriminali oħra.

More in Qrati u Pulizija