Ħaddiem jmut wara li waqa' f'sit ta’ kostruzzjoni ta’ db towers f’Pembroke

 

Żagħżugħ ta’ 25 sena waqa’ żewġ sulari f’sit ta’ kostruzzjoni ta’ db Group f’Pembroke

Ħaddiem Tork ta’ 25 sena tilef ħajtu kmieni l-Erbgħa filgħodu wara li waqa’ żewġ sulari waqt xogħol fuq il-proġett tad-db towers f’Pembroke.

L-inċident seħħ għall-ħabta tat-7:45am, meta – skont il-Pulizija – intalbet l-assistenza ta’ tim mediku u tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Minkejja l-isforzi tal-ekwipaġġ mediku, il-ħaddiem ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.

Magistrate Joseph Mifsud qed imexxi inkjesta maġisterjali, filwaqt li l-Pulizija qed tkompli bl-investigazzjonijiet tagħha. L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) tinsab ukoll fuq il-każ.

Kelliem għad-db Group ikkonferma li l-vittma kienet impjegata mal-kumpanija Torka HAS, li hija waħda mis-subkuntratturi involuti fil-proġett. Huwa spjega li rappreżentanti tal-kumpanija kienu fuq il-post flimkien ma’ uffiċjali tal-OHSA u tal-Pulizija hekk kif bdew l-investigazzjonijiet.

“Id-db Group qed u se jkompli jikkollabora bis-sħiħ mal-awtoritajiet investigattivi rispettivi. Il-grupp ukoll iwiegħed l-appoġġ kollu tiegħu lill-familja tal-vittma u lill-kollegi,” qal il-kelliem.

 

More in Qrati u Pulizija