Il-Qorti tal-Appell tħassar is-sentenza ta’ raġel akkużat b’reati tat-traffiku

Raġel li oriġinarjament kien instab ħati ta’ diversi reati tat-traffiku, irnexxielu jinħeles  fl-appell wara li l-Qorti tal-Appell Kriminali sabet nuqqasijiet ta’ preskrizzjoni u ta’ provi fil-każ tal-prosekuzzjoni

Raġel ta’ 48 sena li kien instab ħati ta’ diversi reati tat-traffiku rnexxielu jreġġa’ lura l-maġġoranza tal-konvizzjonijiet tiegħu, wara li l-Qorti tal-Appell Kriminali sabet li kien hemm preskrizzjoni u nuqqas ta’ provi fil-kawża tal-prosekuzzjoni.

Gaetano Farrugia kien akkużat li kien qed isuq f’Ħaż-Żabbar f’Jannar 2024 minkejja li l-liċenzja tiegħu kienet revokata, kif ukoll li kien qed isuq mingħajr liċenzja tal-vettura u bla kopertura ta’ assigurazzjoni.

Fl-4 ta’ Lulju, il-Qorti tal-Maġistrati kienet sabitu ħati li kien qed isuq bla liċenzja valida u mingħajr assigurazzjoni, u kienet imultatu €2,400 u waqqfitu mis-sewqan għal 12-il xahar. Farrugia appella s-sentenza u l-piena imposta.

L-appellant sostna li qatt ma kien notifikat kif suppost bl-akkużi dwar in-nuqqas ta’ assigurazzjoni, jgħid li d-dokumenti ma kinux kompluti u ma kien hemm xejn li juri li hu personalment irċevihom. Skont il-liġi, in-notifika korretta hija meħtieġa biex tinterrompi jew tissospendi l-perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ sitt xhur.

Il-qorti osservat li għalkemm Farrugia kien deher darbtejn quddiem il-qorti b’avukat u ma qajjem l-ebda eċċezzjoni ta’ preskrizzjoni dak il-ħin, xorta waħda l-fatti baqgħu jagħmlu l-akkuża preskritta: l-inċident kien seħħ fl-24 ta’ Jannar 2024 iżda l-kapi ġew iffiljati fl-1 ta’ Novembru 2024 — ħafna wara li għadda l-perjodu massimu ta’ sitt xhur. Għaldaqstant l-akkuża ġiet awtomatikament meqjusa bħala preskritta.

Dubji serji dwar il-provi marbuta mar-revoka tal-liċenzja

Fuq il-konvinzjoni li kien qed isuq b’liċenzja revokata, il-prosekuzzjoni sostniet li l-appellant kien infurmat bir-revoka permezz ta’ ittri mibgħuta lill-indirizz tiegħu. Madankollu, l-unika dokumentazzjoni ppreżentata kienu dokumenti ta’ MaltaPost, mingħajr ebda ċertifikazzjoni xierqa minn Transport Malta. Il-qorti rrimarkat li dawn ma kinux l-ogħla forma ta’ prova kif titlob il-Kodiċi Kriminali.

Barra minn hekk, Farrugia wera li kien hemm kontradizzjonijiet serji dwar l-istess vettura: l-affidavit tal-pulizija kien jirreferi għal Audi sewda b’ċertu numru ta’ reġistrazzjoni, iżda r-rekords ta’ Transport Malta juru li l-istess vettura kienet bajda u mbagħad irreġistrata b’numru differenti. Dan ikkrea aktar dubju dwar l-identità tal-karozza li kienet fil-mira tal-akkużi.

Il-Qorti tal-Appell qalet li dawn l-inċertezzi fil-provi kienu biżżejjed biex jinħoloq dubju raġonevoli dwar il-ħtija tal-imputat, u għalhekk l-akkuża ma setgħetx tinżamm.

Il-piena revokata kompletament

L-appellant kien insista wkoll li l-piena ta’ €2,400 u l-projbizzjoni ta’ sena mis-sewqan kienu eċċessivi u mhux proporzjonati mal-każ. Wara li qieset in-nuqqas ta’ provi u l-preskrizzjoni, il-Qorti tal-Appell irrevokat kompletament kemm is-sentenza kif ukoll il-pieni imposti.

Id-difiża tal-appellant kienet immexxija mill-avukat Nicholas Mifsud.

More in Qrati u Pulizija