Roderick Cassar jeħel 40 sena ħabs wara li ammetta l-qtil ta’ martu Bernice Cilia

Roderick Cassar, jammetti li qatel lil  Bernice Cilia fl-2022 — l-ewwel każ ta’ femiċidju intenzjonat proċessat taħt il-liġi Maltija

Roderick Cassar, ta’ 43 sena, weħel 40 sena ħabs wara li ammetta li qatel lill-ex mara tiegħu, Bernice Cilia.

Cassar biddel it-talba tiegħu u ammetta nhar l-Erbgħa filgħodu, ftit ġimgħat biss qabel ma kellu jibda l-proċess bil-ġurija. Il-qtil seħħ fit-22 ta’ Novembru 2022 fiż-żona ta’ Corradino, meta Bernice kienet sejra għax-xogħol. Cassar spara lejha b’mod fatali, u wara l-inċident kien arrestat wara 17-il siegħa ta’ assedju fid-dar tiegħu fil-Qrendi.

L-ewwel każ ta’ femiċidju intenzjonat f’Malta

Il-każ kien l-ewwel wieħed li ġie proċessat taħt il-kap ġdid tal-“offiża aggravata ta’ femiċidju intenzjonat”, li daħal fis-seħħ ftit xhur qabel. Il-qorti, preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, ikkundannat lil Cassar għal 40 sena ħabs u multa simbolika ta’ €232.94, filwaqt li qalet li l-imputat “seraq lil żewġt itfal lil ommhom u ħa l-ħajja ta’ mara li kienet fittxet il-protezzjoni tal-istat ripetutament”.

L-ammissjoni kienet parti minn ftehim ma’ l-Avukat Ġenerali – ftehim li l-familja ta’ Bernice qalet li aċċettat “b'qalb maqsuma”.

Wara s-sentenza, il-familja ta’ Bernice qalet li, għalkemm is-sentenza tagħti ċerta sens ta’ serħan, “ebda sentenza ma tissarraf fil-ġustizzja vera”. F’kummenti lill-media, qalu li Bernice “falliet fil-ħajja u fil-mewt."

“L-ebda sentenza ma tiġġustifikaha”, qalu, u żiedu li għalkemm il-liġi ma pprovdiet ebda piena aktar ħarxa, il-familja kella taċċetta r-realtà tas-sentenza.

Il-kelliema għall-parte ċivili, l-avukata Marita Pace Dimech, qalet li l-familja “għandha terfa’ rasha quddiem il-qorti, għax din hija r-realtà tas-sistema”. Hi rrimarkat li, minkejja s-sentenza twila, “kulħadd jaf li 40 sena mhumiex verament 40 sena”, peress li kondotta tajba tista’ tnaqqas is-sentenza b’madwar terz.

“Mill-għażliet kollha possibbli, il-familja kellha tbaxxi rasha u taċċetta. Issa, forsi, Bernice tista’ tistrieħ,” qalet Pace Dimech.

Fallimenti fis-sistema tal-protezzjoni

Il-qtil ta’ Bernice kien qanqal rabja pubblika u protesti madwar il-pajjiż, li wasslu għal inkjesta indipendenti mmexxija mill-Imħallef Emeritu Geoffrey Valenzia. L-inkjesta sabet li l-istat falla fil-protezzjoni tagħha, billi kellu nuqqas ta’ riżorsi u ta’ proċeduri effettivi biex jiġu evalwati każijiet ta’ riskju għoli.

Għalkemm Bernice kienet irreġistrat diversi rapporti lill-pulizija, inkluż wieħed il-jum ta’ qabel il-qtil, il-protezzjoni offruta kienet inadegkwata. L-inkjesta rrimarkat ukoll li l-għodda tad-“DASH assessment” kienet ikklassifikat il-każ bħala “riskju medju”, minkejja t-theddid ċar għall-ħajja tagħha.

Il-gvern imbagħad wiegħed li jimplimenta sistema ta’ trijaġ ġdida u protokolli msaħħa biex jiġu ttrattati każijiet ta’ vjolenza domestika.

Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-avukati tal-Avukat Ġenerali Anthony Vella u Kaylie Bonett, filwaqt li d-difiża kienet rappreżentata mill-avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri. L-avukati Marita Pace Dimech u Ann Marie Cutajar irrappreżentaw lill-familja ta’ Bernice bħala parte ċivili.

 

More in Qrati u Pulizija