Il-Qorti tiċħad it-talbiet ta’ mara li nstabet ħatja tal-korruzzjoni ta’ minorenni wara saga ta’ 16-il sena

Anna Maria Jimenez allegat li sofriet ħsara psikoloġika, finanzjarja u limitazzjonijiet personali minħabba proċess kriminali twil dwar każi ta’ prostituzzjoni u korruzzjoni ta’ minorenni

Il-Qorti Ċivili, preseduta mill-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri, ċaħdet kawża kostituzzjonali li ressqet Anna Maria Jimenez, ta’ 42 sena, li sostniet li ġew miksura d-drittijiet fundamentali tagħha matul proċeduri kriminali li damu aktar minn 16-il sena.

Jimenez kienet mixlija fl-2008 b’akkużi serji relatati ma’ attivitajiet sesswali ma’ minorenni, żamma ta’ bordell u kmand lil persuni oħra biex jagħmlu prostituzzjoni.

Fl-2016, hija kienet instabet ħatja u kkundannata erba’ snin ħabs, sentenza li aktar tard ġiet miżjuda għal sitt snin mill-Qorti tal-Appell Kriminali f’April 2024.

Il-kawża kostituzzjonali u l-allegazzjonijiet ta’ ksur ta’ drittijiet

Fil-kawża tagħha kontra l-Kummissarju tal-Pulizija, l-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat, Jimenez allegat li l-proċess kriminali kien twil żżejjed u li dan ikkawżalha ħsara psikoloġika, telf ta’ libertà minħabba arrest preventiv, u curfew, kif ukoll telf finanzjarju marbut ma’ negozju tat-taxis li allegatament tilfet matul is-snin.

Jimenez qalet li għal aktar minn 14-il sena kienet taħt kundizzjonijiet restrittivi u li l-proċess kollu wassal għal deterjorament serju fil-ħajja personali u professjonali tagħha.

Hija sostniet ukoll li s-sitwazzjoni kienet tikser il-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-Artiklu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li jiggarantixxi smigħ fi żmien raġonevoli.

Il-Qorti: “Id-dewmien kien prinċipalment minħabba d-difiża”

Fil-ġudizzju tagħha, il-Qorti ċaħdet dawn l-allegazzjonijiet kollha.
Hija ammettiet li kien hemm ċertu dewmien, partikolarment fil-fażi tal-appell, iżda kkonkludiet li l-maġġoranza tal-16-il sena ta’ proċeduri kienu frott tal-azzjonijiet u tal-kontijiet tad-difiża stess — fosthom bidliet fid-dokumenti u rikorsi proċedurali oħra.

Il-Qorti osservat ukoll li l-miżuri restrittivi imposti fuq Jimenez, inkluż l-arrest preventiv u l-arrest domiċiljari, kienu proporzjonati mal-gravità tal-akkużi, u li matul is-snin dawn ġew riveduti u rilassati, anke b’permessi speċjali biex tivvjaġġa meta kienet titlob.

Ebda prova ta’ telf finanzjarju

Dwar it-talba għal danni finanzjarji, il-Qorti nnutat li ma kienx hemm provi li jikkonfermaw il-pretenzjonijiet tagħha li tilfet flus jew investimenti fit-taxi business tagħha.
Il-Qorti qalet li kull riskju finanzjarju li ħadet kien “prevedibbli” meta kienet għadha taħt proċess kriminali u għalhekk ma jistax jitqies bħala ksur ta’ dritt fundamentali.

Fil-konklużjoni tagħha, il-Qorti Ċivili laqgħet l-eċċezzjonijiet kollha tal-partijiet konvenuti fejn kien xieraq, ċaħdet it-talbiet kollha ta’ Jimenez, u ordnat li l-ispejjeż tal-proċeduri jiġu mħallsa mill-applikanta, ħlief għal xi punti proċedurali limitati.

 

More in Qrati u Pulizija