Saviour Camilleri, miż-Żabbar, tressaq il-qorti wara li f’Awwissu tal-2024 kiteb kumment offensiv taħt post ippubblikat minn TVMnews. Dakinhar stess, il-MP Nazzjonalista Aquilina ressaq ilment elettronikament mal-Pulizija.
Il-pulizija sejħu lill-imputat għall-interrogazzjoni, fejn il-bniedem ammetta li hu kien poġġa l-kumment u wera lesti jiskuża ruħu.
Il-qorti, waqt li nnotat li l-kumment ma kien fihx theddid, qalet li kien ċertament vulgari u offensiv, billi kien magħmul minn sensiela ta’ kliem oxxen maħsub biex ioffendi u jfixkel lill-ilmentant.
Fis-sentenza tagħha, il-qorti qalet ukoll li saret xi ħaġa komuni li n-nies iħossuhom ħielsa joffendu lil oħrajn minn wara skrin.
“Dan huwa assolutament inaċċettabbli f’kull soċjetà, aħseb u ara f’soċjetà demokratika fejn ir-rispett lejn l-individwu u d-drittijiet fundamentali tiegħu huma pedament essenzjali. Kull individwu għandu d-dritt li jiġi ttrattat b’rispett, irrispettivament minn jekk għandu jew le rwol pubbliku u irrispettivament mill-opinjonijiet jew twemmin tiegħu,” żiedet il-Qorti.
Camilleri nstab ħati li għamel użu mhux xieraq mill-komunikazzjonijiet elettroniċi u ġie mmultat €700, filwaqt li nħareġ ukoll ordni ta’ protezzjoni ta’ tliet snin favur Aquilina.