Raġel jinħeles mill-akkużi ta’ stupru u vjolenza fuq l-ex sieħba

Il-mara sostniet li r-raġel stupraha f’karozza iżda qalet li ma tiftakarx eżatt meta ġara dan

Il-Qorti ħelset raġel akkużat bi stupru vjolenti, ġrieħi ħfief u theddid ta’ vjolenza fuq l-ex sieħba tiegħu, wara li sabet li l-verżjoni tagħha kienet mimlija kontradizzjonijiet.

Il-każ imur lura għat-13 ta’ Mejju 2018 meta l-Pulizija marru għand il-Pizza Hut f’San Ġiljan wara rapport li mara kienet għalqet ruħha ġewwa l-ħanut biex tipproteġi ruħha mill-ex sieħeb tagħha. Il-mara nstabet f’qagħda emozzjonali, tibki u rrakkuntat lill-pulizija li kienet ġiet attakkata fid-dar tagħha fl-Imsida.

Ir-rakkont tal-mara

Hija qalet li l-akkużat kien deher quddiem il-bieb tal-appartament tagħha u talab biex jidħol. Meta rrifjutat, marret fil-gallarija biex tfittex l-għajnuna ta’ ġar, iżda l-akkużat allegatament daħal, tefaha’ fuq is-sufan u beda jattakkaha. Skont ix-xhieda tagħha, dan kollu seħħ waqt li kien hemm raġel ieħor fid-dar, fatt li, allegatament, qajjem ir-rabja tal-akkużat.

Hija qalet li eventwalment ipperswaditu biex jitlaq mill-appartament magħha. Daħlu fil-karozza tagħha u hija kkonvinċietu minflok biex isuq sal-Pizza Hut f’San Ġiljan, fejn talbet l-għajnuna tal-maniġer, u talbitu biex jssakkar il-post u jċempel lill-pulizija.

Il-mara qalet ukoll li kienet ilha tgħaddi minn ansjetà u attakki ta’ paniku minħabba l-imġiba tal-akkużat, li kienet tqisha bħala eċċessivament possessiva.

Il-verżjoni tal-akkużat

Min-naħa tiegħu, l-akkużat sostna li fl-istess ġurnata ta lill-mara €25 u pakkett sigaretti biex jgħinha finanzjarjament. Huwa qal li r-relazzjoni kienet ilha madwar 17-il xahar iżda kienu nfirdu sitt xhur qabel, għalkemm hu kien jibqa’ jagħtiha xi flus biex tieqaf iċċempillu bil-lejl.

Meta mar għandha, sab il-bieb tal-blokka miftuħ u daħal. Hemmhekk ra raġel ieħor bilqiegħda b’xorb quddiemu. Ix-xhud maskili li kien fid-dar sostna li kienet il-mara nfisha li fetħitlu l-bieb, li kien f’kuntrast ma’ dak li qalet hi.

L-allegat stupru fil-karozza

Il-mara rrakkuntat ukoll episodju separat ta’ stupru li allegatament seħħ fil-karozza tal-akkużat. Madankollu, hija naqset milli tispeċifika d-data jew ix-xahar ta’ meta dan seħħ u ammettiet li qatt ma marret għand tabib jew għamlet rapport immedjatament wara.

Il-Qorti nnutat li l-verżjoni tagħha kienet inkonsistenti: l-ewwel qalet li l-akkużat ġiegħelha tmur fuq is-seat ta’ wara, iżda mbagħad ammettiet li marret hemm volontarjament. Meta ġiet mistoqsija dwar id-differenza, hija qalet: “X’differenza hemm?”.

Din id-dikjarazzjoni, skont il-Qorti,  kienet inkompatibbli ma’ allegazzjoni ta’ stupru. Barra minn hekk, ma semmietx li ppruvat taħrab, li l-karozza kienet imsakkra jew li ntuża forza fiżika kontinwa.

Il-Qorti osservat ukoll li l-messaġġi u l-komunikazzjonijiet bejn iż-żewġ partijiet f’dak il-perjodudeher kienu juru li l-mara u l-akkużat żammew relazzjoni ta’ ħbiberija ħafna matul iż-żmien tal-allegat stupru. Hija kienet perfettament komda tikkomunika mal-akkużat peress li qatt ma rrifjutat li tieħu l-flus mingħandu.

“Ma hemm l-ebda indikazzjoni li din ir-relazzjoni kienet waħda sfurzata jew mhux mixtieqa,” qalet il-Qorti fil-kummenti tagħha.

Id-deċiżjoni

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ikkonkludiet li l-prosekuzzjoni falliet milli tipprova l-akkużi lil hinn minn kull dubju raġonevoli. Peress li kien hemm dubji serji fuq il-kredibbiltà u l-affidabbiltà tax-xhieda tal-mara, l-akkużat inħeles minn kull ħtija relatata kemm mal-allegat stupru kif ukoll mal-akkużi ta’ ġrieħi ħfief u theddid ta’ vjolenza

More in Qrati u Pulizija