Il-ħelsien mill-arrest: il-bilanċ bejn il-libertà individwali u s-sigurtà pubblika
Każijiet reċenti li qanqlu kontroversja reġgħu qajmu diskussjoni dwar il-kriterji tal-ħelsien mill-arrest f’Malta — żewġ esperti fil-liġi kriminali jispjegaw il-prinċipji, l-isfidi, u l-bilanċ delikat bejn id-drittijiet tal-individwu u s-sigurtà pubblika
minn Jaelle Borg
Fil-ġimgħat li għaddew, il-kwistjoni tal-ħelsien mill-arrest reġgħet tqanqlet bil-qawwa fil-pajjiż. Każijiet li jqanqlu emozzjonijiet kbar fost il-pubbliku — bħal dak tas-suldat akkużat b’omiċidju involontarju jew l-istorja magħrufa ta’ “Lilu King” — qajmu mill-ġdid mistoqsijiet serji dwar kemm il-proċess hu konsistenti, ġust, u trasparenti.
Din il-gazzetta tkellmet ma’ żewġ esperti fil-qasam tal-liġi kriminali biex joffru fehma u analiżi dwar kif jaħdem il-ħelsien mill-arrest f’Malta u x’fatturi jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-Qorti. Joe Giglio, avukat b’esperjenza estensiva fil-liġi kriminali, u Stefano Filletti, Kap tad-Dipartiment tal-Liġi Kriminali fl-Università ta’ Malta u avukat, qasmu l-opinjonijiet tagħhom dwar il-prattika, il-kriterji legali, u l-isfidi li jaffaċċjaw il-qrati.
Il-qafas legali: prinċipji u fatturi
Giglio spjega li l-ħelsien mill-arrest huwa regolamentat primarjament mill-Artikolu 575 ta’ Kap. 9 u huwa mibni fuq il-prinċipju fundamentali li kull persuna hija preżunta innocenti sakemm ma tinstab ħatja. Il-Qorti trid tikkunsidra diversi fatturi qabel ma tagħti l-ħelsien: il-gravità tar-reat, ir-riskju li l-imputat jimbotta jew jinterferixxi max-xhieda, ir-rabtiet tiegħu mal-pajjiż, kif ukoll il-kondotta preċedenti tiegħu. “Trid tkun taf ukoll jekk hemmx xhieda li għad iridu jixhdu u jekk hemmx biża’ li qabel ma jixhdu jiġu influwenzati,” jgħid Giglio.
Filletti jenfasizza l-importanza ta’ kundizzjonijiet ċari u strumenti bħall- monitoraġġ elettroniku jew depożiti bħala garanzija li l-imputat jissodisfa r-regoli. Hu jgħid li l-Qorti għandha d-dmir li tibbilanċja d-drittijiet individwali mal-interessi tas-sigurtà pubblika, u li kull każ għandu jiġi evalwat f’kuntest uniku. “Il-Qorti dejjem trid tara kemm hu affidabbli l-imputat u kemm il-biża’ li jista’ jinterferixxi max-xhieda jew joħroġ minn Malta tista’ taffettwa l-proċess tal-ġustizzja,” spjega Filletti.
Każijiet li qajmu kontroversja
Każijiet bħal dak tas-suldat li allegatament qatel persuna b’mod involontarju wara li tajjar mara waqt li allegatament kien fis-sakra, u l-każ ta’ “Lilu King”, fejn il-ħelsien mill-arrest ġie ripetutament revokat u mgħoddi mill-ġdid, juru kemm tista’ tidher konfuża l-prattika għall-pubbliku. Filletti jenfasizza li “diffiċli tiġġeneralizza meta ma tkunx taf id-dettalji tal-każ, imma wieħed irid jara x’inhu l-ksur tal-kundizzjonijiet u kif ikun imwettaq.”
Għal Giglio, aktar trasparenza tista’ tgħin biex il-pubbliku jifhem il-linji gwida u r-raġunijiet wara d-deċiżjonijiet tal-Qorti. Minkejja li l-Qorti m’għandhiex l-obbligu li tispjega għaliex tagħti l-ħelsien mill-arrest, il-fatt li l-ħelsien jinkiser jista’ jikkonferma li l-kriterji msemmija fl-Artikolu 575 ma ġewx sodisfatti. “L-għoti tal-ħelsien mill-arrest hu regola u mhux eċċezzjoni, imma kull każ għandu ċirkostanzi partikolari,” jgħid Giglio.
Sigurtà pubblika vs libertà individwali
Waħda mill-mistoqsijiet ewlenin li jqumu hi kif il-Qorti tista’ tirranġa bilanċ bejn libertà individwali u sigurtà tas-soċjetà. Filletti jenfasizza li l-implimentazzjoni ta’ strumenti bħal monitoraġġ elettroniku, depożiti, jew garanziji personali jistgħu jipprovdu mezz jew kontroll li jippermetti lill-persuna tkun libera waqt li tiġi salvagwardjata s-sigurtà pubblika. “Jekk tara li l-ebda ammont ta’ flus ma jgħodd, mela ma tingħatax ħelsien. Il-Qorti tiddeċiedi skont il-kuxjenza tagħha u skont l-interessi tas-soċjetà,” jgħid Filletti.
Giglio jenfasizza wkoll il-bżonn ta’ fehim aktar ħolistiku tal-każijiet fil-media. “Xi drabi r-rapportaġġ fil-media ma jkunx wieħed ħolistiku u ma jirriflettix dak kollu li jkun effettivament seħħ ġewwa l-awla.” Hu jgħid li aktar trasparenza f’dak li jirrigwarda r-raġunijiet għall-ħelsien jew iċ-ċaħda tiegħu tista’ ttejjeb il-fiduċja pubblika fil-ġustizzja.
Fil-qosor, iż-żewġ esperti jikkonkludu li l-ħelsien mill-arrest f’Malta huwa istituzzjoni fundamentali li għandha tissalvagwardja d-drittijiet tal-bniedem, iżda li l-prattika trid tkun immaniġġjata b’ħerqa u trasparenza biex tiġi żgurata l-fiduċja pubblika u l-bilanċ adegwat bejn libertà individwali u sigurtà tas-soċjetà. Kull każ għandu jkun evalwat fuq il-mertu tiegħu, filwaqt li l-Qorti għandha d-dmir li tipproteġi, kemm l-interessi tal-ġustizzja, kif ukoll dawk tal-pubbliku.
