Katekist li allegatament uża profili foloz ta’ Facebook biex jitkellem ma’ subien minuri jingħata l-ħelsien mill-arrest

56 sena allegatament uża żewġ profili foloz biex iġġebbed lill-minuri jibagħtulu ritratti espliċiti

Katekist li kien akkużat li ddefila tifel ta’ tlettax-il sena f’Lulju li għadda wara li allegatament iġġebbed subien biex jibagħtulu ritratti espliciti, ingħata l-ħelsien mill-arrest filgħodu tal-Ħamis.

William Mark Camilleri, katekist u teknixin ta’ 56 sena, qed jaffaċċja diversi akkużi, fosthom id-defilazzjoni ta’ tifel ta’ 13-il sena, l-aċċess jew il-pussess ta’ materjal indeċenti li juri persuna minuri, kif ukoll il-fastidju tal-minuri. Hu qed jaffaċċja wkoll akkuża li ppropona li jiltaqa’ mal-minuri bl-intenzjoni li jikkommetti reat.

Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi kollha.

Matul id-dehra tiegħu l-qorti ġiet infurmata li l-pulizija kienu rċevew rapport mill-ġenituri tal-minuri, li kienu sabu lil binhom jitkellem ma’ profil ta’ Facebook bl-isem ‘Tanya Borg’. Dan il-profil falz allegatament ikkonvinċa lill-vittma jibgħat diversi ritratti espliciti u staqsieh ukoll dwar l-indirizz u l-iskola tiegħu.

L-indirizz IP li kien qed jaċċessa dan il-kont falz ġie rintraċċat f’post f’Ħal Tarxien, fejn il-pulizija arrestaw lill-imputat.

Profil ieħor falz, bl-isem ‘Kevin Kevinu’, allegatament kien intuża wkoll mill-imputat.

Illum ingħata l-ħelsien mill-arrest kontra depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €20,000. Ġie impost curfew, u għandu jiffirma l-ktejjeb tal-ħelsien mill-arrest kuljum.

L-avukati tal-Avukat Ġenerali Cynthia Tomasuolo u Kristina Bartolo qed jippjegaw l-akkuża bl-għajnuna tal-ispetturi tal-pulizija Marshall Mallia u Wayne Buhagiar.

L-avukat Nicholas Mifsud qed jassisti lill-imputat.

L-avukati Herman Mula u Michele Cardinali qed jidhru bħala parte civile.

More in Qrati u Pulizija