John Dalli kien imwissi li tneħħija tal-projbizzjoni tal-isnus ikun pass riskjuż

Il-Kap tal-Kabinett ta' John Dalli xehdet ili hija kienet wissiet lill-eks Kummissarju Malti John Dalli bir-riskju li kien jinvolvi pass li jreġġa' lura projbizzjoni fuq it-tabakk snus

Il-Kap tal-Kabinett ta' John Dalli xehdet ili hija kienet wissiet lill-eks Kummissarju Malti John Dalli bir-riskju li kien jinvolvi pass li jreġġa' lura projbizzjoni fuq it-tabakk snus. Hija kienet qed tixhed fil-każ kontra Dalli li qed ikun akkużat b'attentat ta' tixħim ta' madwar €60 miljun sabiex il-projbizzjoni ta' dan it-tabakk titreġġa' lura. 

Joanna Darmanin qalet illi kienet qed tirreferi għal laqgħa fi preparazzjoni għal laqgħa oħra futura bejn Dalli u Paola Testori, id-Direttur Ġenerali tas-Saħħa u l-Konsumatur fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea. 

 

Hija komplet tixhed illi kien hemm bżonn ta' titjib fid-Direttiva tal-1992 sabiex din tkun tista' tkopri aktar realtajiet fil-qasam, fosthom prodotti li ma kinux koperti. Waħda mill-kwistjonijiet kienet il-projbizzjoni tal-isnus b'Testori tal-opinjoni li l-projbizzjoni tibqa' fis-seħħ. 

F'laqgħa bejn Testori u Dalli x-xhud tgħid li l-eks Kummissarju argumenta li l-isnus tagħmel inqas ħsara minn prodotti tat-tabakk, skont studji xjentifiċi u li minkejja dan is-sigaretti xorta baqgħu jinbigħu legalment. Dan apparti li l-Qorti Ewropea kienet diġà ddeċidiet fuq il-kwistjoni. 

Hija qalet illi finalment Dalli ħa l-pożizzjoni li kienet adottata mill-Kulleġġ tal-Kummissarji Ewropej u wara mill-Parlament Ewropew. 

Xehdet ukol Rita Schembri dak iż-żmien membru tal-Kumitat Superviżorju tal-OLAF  li qalet illi d-Direttur Ġenerali tal-OLAF Giovanni Kessler kien informaha dwar l-investigazzjoni fuq Dalli. 

Meta ġiet Malta u kkonsultat mal-Avukat Ġenerali Peter Grech, huwa kien qallha biex jinbdew il-proċeduri. 

Hija kellha tattendi l-interrogazzjoni ta' Silvio Zammit - kanvasser u wieħed mill-eqreb persuni ta' John Dalli -  iżda meta kienet mistoqsija jekk dan qattx semma lil John Dalli hija wieġbet fin-negattiv. Għalkemm ftakret ukoll illi fl-interrogazzjoni kien qal illi "l-boss tiegħi ltaqa' ma' tiegħek" u meta staqsietu gġal min qed jirreferi qallha li Alla huwa l-imgħallem tiegħu.  

 

L-Avukati Antoine Agius Bonnici u Anthony Vella flimkien mas-Supretendent James Grech mexxew il-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukati Stefano Filletti u Stephen Tonna Loweell deheru għal John Dalli. 

More in Qrati u Pulizija