Karozzi lussużi, dgħajjes u manteniment... L-aħwa Degiorgio ħatja ta' ħasil ta' flus u riċediviżmu

Alfred Degiorgio lagħab €600,000 fi żmien 10 snin, minkejja li l-unika dħul tiegħu kien ta' €20,000 mill-benefiċċji soċjali 

Il-Qorti sabet lill-aħwa George u Alfred Degiorgio ħajta ta' riċediviżmu u ħasil tal-flus. Għaldaqstant huma ngħataw sentenza ta' erba' snin priġunerija u immultathom €25,000 kull wieħed.

L-aħwa Degiorgio ftit xhur ilu ammettew u nstabu ħatja tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u ngħataw 40 sena priġunerija. 

L-aħwa kienu sidien ta' diversi karozzi lussużi: Mercedez, Audi u Corvette. Dan filwaqt li kelhom żewġ dgħajjes bl-isem ta' Maya u Ducu. Il-Qorti innotat ukoll li fi żmien 10 snin, jiġifieri bejn l-2009 u l-2019, Alfred Degiorgio kien lagħab madwar €600,000 fi tliet casino separati madwar Malta, iżda qatt ma iddikjara dħul. Min-naħa l-oħra bejn l-2002 u l-2018 irċieva €20,596.95 f'benefiċċji soċjali. 

Min-naħa l-oħra, fil-każ ta' George Degiorgio, l-aħħar li kien irreġistrat li kien qiegħed jaħdem kien fl-1982. Minkejja dan, kellu kontijiet bankarji u kien iħallas l-ispejjeż tal-iskola ta' uliedu. Fl-2017, huwa xtara d-dgħajjsa Maya għal €30,000 u ħallas bi flus kontanti. Minkejja dan, din kienet irreġistrata f'isem Alfred Degiorgio. George kien sid tad-dgħajjsa Ducu kif ukoll ta' Audi. 

Bejn l-2013 u l-2016 huwa kien sid ta' Mitsubishi L200 u BMW360D. Bejn l-2002 u l-2018, huwa irċieva €104,600 f'benefiċċji soċjali. L-eks mara ta' George Degiorgio saħqet li rċeviet €35,000 bħala separazzjoni bonarja. Apparti minn hekk hija kienet tingħata l-manteniment mingħandu. 

Għaldaqstant wara li ngħatat is-sentenza, il-Qorti talbet biex jiġu ikkonfiskati l-karozzi u d-dgħajjes tagħhom u jħallsu l-ispejjeż legali ta' din il-kawża. Huwa mifhum li l-aħwa se jkunu qed jappellaw is-sentenza. 

Dan l-artiklu qed jiġi aġġornat. 

More in Qrati u Pulizija