Aġġornata | Jeremie Camilleri, qabel il-qtil, qal li huwa 'kriminal kburi' u li se jsir famuż

Illum bdiet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Jeremie Camilleri mixli bil-qtil ta' Pelin Kaya

Illum bdiet il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Jeremie Camilleri, ta' 33 sena, li jinsab mixli bil-qtil ta' Pelin Kaya. Kaya inqatlet b'mod traġiku b'daqqa ta' karozza, misjuqa minn Camilleri, fit-18 ta' Jannar. Kaya mietet proprju f'għeluq snina, sigħat wara li kienet qed tiċċelebra ma' xi ħbieb tagħha. 

Camilleri qiegħed jiġi akkużat b'omiċidju volontarju, fost numru ta' akkużi oħra, hekk kif dan ma kienx meqjus bħala inċident tat-traffiku. Fil-fatt rapporti fil-midja qalu li hemm filmati ta' Camilleri isuq direttament lejn Kaya. Dwar il-mewt tagħha qam furur kbir għax, fost raġunijiet oħra, Camilleri irriżulta pożittiv għat-test tad-droga u x-xorb, meta ittieħed l-Isptar Mater Dei wara l-inċident. 

Meta Camilleri ittieħed l-Isptar huwa qal lit-tabib li ried iweġġa' lil xi ħadd. Qabel ma seħħ il-qtil, Camilleri iltaqa' mal-għarusa tiegħu u kellhom argument. Siegħa qabel huwa bagħtilha voice message jgħidilha li hu 'psikopatiku' u 'kriminal kburi' u li l-għada kien se jkun fuq l-aħbarjiet. Fuq il-bodycam tal-pulizija, huwa instema' jitlob biex ikun hemm membri tal-midja tat-TVM. Meta ġie arrestat, huwa reġa' irrepeta dak li kien qal lill-għarusa tiegħu, minkejja li ħassar il-messaġġ. 

L-ewwel xhud tal-ġurnata kien l-Ispettur Kurt Zahra li ġie infurmat b'inċident tat-traffiku fi Triq Testaferrata, li aktar tard irriżulta li kienet Triq l-Imsida. Meta mar fuq il-post huwa ra par żarbun, ġakketta, mobile u pakkett sigaretti. Aktar tard indunaw li dawn kollha kienu tal-vittma. Huwa sostna li fis-1:05 a.m. il-filmati tas-CCTV irrekordjaw lil Camilleri jsur fid-direzzjoni ta' Triq Testaferrata b'veloċità moderata. Intant Pelin kienet miexja lejn Triq l-Imsida, direzzjoni lejn Tas-Sliema. "Minn hemm rajna l-karozza tibdel id-direzzjoni, ittajjar lil Kaya u tibqa' dieħla ġo postijiet oħra." Minn filmati ta' CCTV tar-residenza tiegħu f'Ħal Lija saru jafu li huwa kien telaq mil-lokalità madwar tmien minuti qabel il-qtil. 

L-Ispettur spjega li Kaya ġiet identifikata mill-għarus tagħha stess, li kien ġie Malta biex jiċċelebra għeluq sninha. Huwa kien fi triqtu biex jiltaqa' magħha meta ra t-tobba u l-ambulanza, li kienu imblukkaw it-triq. Huwa kien infurmahom li l-għarusa tiegħu ma kinitx qed twieġeb il-mobile u ġie mitlub li jerġa' jċemplilha. Meta għamel dan, il-mobile li kien qrib il-vittma beda' jdoqq. 

Xhud fuq il-post attakkati minn Camilleri

B'kollox kien hemm tliet xhieda li raw lil Camilleri dakinhar tal-qtil traġiku. Fil-pompa tal-petrol ta' Paul & Rocco kien hemm xufier li kien qiegħed jagħti l-petrol lill-karozza u li ra l-vettura ta' Camilleri, BMW X6 dieħla ġol-istabbiliment tal-KFC, iżda ma rahx itajjar lill-vittma. Camilleri kien vjolenti miegħu tant li kkawżalu xi ħsara fil-karozza. 

It-tieni xhud kien raġel li jaħdem f'ħanut fil-viċinanza li ngħata daqqa ta' ponn mill-akkużat, tant li tilef sensih. Mara oħra wkoll kienet vittma tal-akkużat, tant li sofriet daqqa f'rasha. Eventwalment, din marret tagħmel rapport l-għassa tal-Pulizija tal-Imsida. Dawn kienu uħud minn dawk li ħadu filmati ta' dakinhar, inkluż meta beda' jwadabb il-ġebel lill-vittma.

Meta r-Rapid Intervention Unit waslet fuq il-post, Camilleri beda' jitkellem ħażin u jgħajjat "araw kif se niġġieled mal-Pulizija." Uffiċjal li xehed illum qal li beda' jheddidhom li meta se joħroġ mill-ħabs kien se jsibhom. "Beda' jiftaħar li qatel persuna u li kien se jsir famuż." 

Dan l-uffiċjal kien viżibilment emozzjonat waqt ix-xhieda tiegħu. "It-tobba pruvaw ħafna imma għalxejn. Kienet diġà ħllietna. Kellha wiċċha miksi bid-demm. Lanqas kont naf jekk hux raġel jew mara għall-ewwel." Huwa xehed ukoll li kulħadd beda jibża' minn Camilleri.  

Uffiċjal ieħor tal-RIU xehed li l-akkużat kien għamel użu mill-kokaina u l-marijuana. 

Interrogazzjonijiet: L-akkużat u ommu

Camilleri ġie iċċertifikat mit-tobba li seta' jiġi interrogat. Fil-fatt huwa ittieħed il-Kwartieri tal-Pulizija u aktar tard fir-residenza tiegħu biex ikun preżenti filwaqt li ssir tfittxija. Il-mobile tiegħu ġie rikoverat mir-residenza. 

Omm Camilleri ġiet interrogata mill-Pulizija iżda għażlet li ma twiġibx diversi mistoqsijiet. Hija ikkonfermat li l-BMW kienet irreġistrata fuq isimha, fil-fatt meta kien ikollu xi multi kienet tħallashom hi. 

Intant waqt l-interrogazzjoni tiegħu l-pulizija urietu l-filmat tas-CCTV ta' meta tajjar lil Pelin, filwaqt li ġie mistoqsi jekk kellux relazzjoni mal-vittma. Il-ħabiba tal-qalb ta' Kaya qalet li ma kienx jidrilha li kellhom relazzjoni. 

Intant, mhux qiegħed jintalab li jingħata l-ħelsien mill-arrest. Il-każ se jkompli fid-9 ta' Frar fil-11:15a.m.

More in Qrati u Pulizija