Omiċidji li xxukkjaw lil Malta: Vanessa Grech, Ailey Grech u Sylvia King (2) 

Għal din il-ġimgħa, din il-gazzetta tirrakkonta l-istorja tal-qtil makabru ta’ Sylvia King u ta’ Vanessa u bintha Ailey Grech li minkejja li l-każ tagħhom mhuwiex magħruf daqs ta’ King, huwa ugwalment makabru għall-aħħar... speċjalment għax l-omm u l-bint spiċċaw ġo bir wara l-qtil tagħhom

Fuq ix-xellug: Sylvia King. Fuq il-lemin, Alfred Azzopardi
Fuq ix-xellug: Sylvia King. Fuq il-lemin, Alfred Azzopardi

Lino Cauchi - instab mejjet ġewwa bir fil-buskett, Simone Grech - maqtulha b’daqqiet ta’ sikkina wara li ġiet imsawta, Christian  Pandolfino  u Ivor Maciejowski - sparawlhom f’darhom, Alfie Rizzo – inqatel fil-post li tant għamlu popolari, Sylvia King maħruqa f’karozza u Vanessa u Ailey Grech  maqtula b’daqqiet ta’ sikkina.  

Dawn huma uħud mill-aktar delitti xokkanti, makabri u ftit minnhom taħt mantell ta’ misteru sa llum. L-ILLUM se tkun qed tirrapporta fuqhom fil-ġimgħat li ġejjin.   

Għal din il-ġimgħa, din il-gazzetta tirrakkonta l-istorja tal-qtil makabru ta’ Sylvia King u ta’ Vanessa u bintha Ailey Grech li minkejja li l-każ tagħhom mhuwiex magħruf daqs ta’ King, huwa ugwalment makabru għall-aħħar... speċjalment għax l-omm u l-bint spiċċaw ġo bir wara l-qtil tagħhom.

Min huma Vanessa u Ailey Grech?  

Il-ġrajja tal-omm u l-bint Vanessa u Ailey Grech hija waħda traġika. Vanessa, li kellha 22 sena u Ailey li kellha biss sena u ħames xhur inqatlu b’daqqiet ta’ sikkina u bl-aktar mod krudili l-qattiel tefahom ġo bir mimli ilma, f’33 Triq Santa Katarina f’Birżebbuġa. Liema dar Alfred Azzopardi – il-qattiel tagħom - kien jikri għas-sess.  

Vanessa kellha problema tad-droga u fil-fatt waħda mir-raġunijiet għal qtil tagħha jingħad li huwa proprju għalhekk, minħabba l-fatt li kienet qed titlob il-flus. Grech ġiet irraportata nieqsa fit-12 ta’ Novembru 2001 mill-għarus tagħha Kevin Camezuli, hekk kif hi u bintha ma rritornawx fir-residenza ta’ ommha, fil-Qrendi. Ir-rapport, li sar fis-7:30 p.m., jgħid li t-tfajla telqet mid-dar fis-2:30 p.m. u ħarġet bil-karozza tagħha Fiat Punto blu. Fil-fatt kienet din l-istess karozza li wasslet biex instabu l-katavri tal-omm u l-bint.  

X’ġara dakinhar tad-delitt?  

Xhud fil-ġuri - li seħħ erba’ snin wara l-qtil doppju - Kenneth Ellul, li iddeskriva lilu nnifsu bħala “aktar minn ħabib ta’ Vanessa” qal  illi hija kienet tieħu d-droga u li darba kien mar magħha fiċ-Ċentru tad-Detox, fl-Isptar San Luqa. Vanessa kienet tieħu lil bintha kullimkien magħha u dakinhar li nqatlet ħaditha id-detox magħha wkoll. Ellul kien sostna li Grech kienet miżżewġa biċ-ċivil ma’ raġel Għarbi, għalkemm eventwalment kienet marret tgħix ma’ Camenzuli, l-għarus tagħha. Huwa mifhum li Ellul kienet tagħti l-flus lil xi ħadd iżda mhux ċar jekk kinitx tagħti l-flus lir-raġel tagħha jew lil Camenzuli.  

Ritratt ta' Alfred Azzopardi. Sfortunatament dan is-sit ma sab ebda ritratt tal-vittmi
Ritratt ta' Alfred Azzopardi. Sfortunatament dan is-sit ma sab ebda ritratt tal-vittmi

Iżda min hu eżattament il-qattiel? Alfred Azzopardi, Żejtuni li dak iż-żmien kellu 42 sena, huwa missier ta’ żewġt ‘itfal u kien issepara tliet snin qabel ma’ ltaqa’ ma’ Vanessa. Azzopardi kien jaħdem bħala auxiliary worker mal-Forzi Armati ta’ Malta u bħala cleaner fl-Air Squadron f’Ħal Luqa. Huwa kien sostna li kien iltaqa’ mal-vittma ġewwa bar f’Tas-Sliema madwar sena u nofs qabel il-qtil u minn dakinhar baqgħu jiltaqgħu għas-sess. Eventwalment waqt il-ġuri kien qal li ddispjaċih li qatilhom għax kien iħobbha lil Vanessa u kemm il-darba taha xi flus, tant li ħallsilha xi djun. 

Skont l-Att tal-Akkuża ta’ Azzopardi, huwa kien kera d-dar f’Birżebbuġa, f’Lulju tal-2001 – erba’ xhur qabel id-delitt - mhux għax kien jgħix fiha iżda għax kien iħalliha għal meta kien ikollu x’jaqsam ma’ xi mara. Qabel ma kellhom dan il-post Azzopardi u Vanessa kien ikollhom x’jaqsmu xorta f’xi għalqa jew fil-karozza u li dejjem kien ikollha lil Ailey magħha. Fl-Att tal-Akkuża ingħad li minkejja dak li qal Ellul, Grech ma kinitx miżżewġa. Apparti minn hekk jingħad li Ailey ma kinitx bint Azzopardi iżda ta’ raġel ieħor.   

Jumejn wara li ġiet irraportata nieqsa, instabet il-karozza ta’ Grech quddiem il-bieb tad-dar u kien hemm li l-Pulizija iddeċidiet li tidħol fid-dar. Hemm instabu tbajja u traċċi tad-demm li baqgħu sejrin sal-ħerża tal-bir, ġol bitħa. Eventwalment fil-ġuri, l-Ispettur Walter Spiteri kien xehed li d-dar kellha riħa qawwija ħafna ta’ demm, tant li kienet saħansitra tinxtamm minn barra.  

Peress li l-bir kien mimli bl-ilma, saret operazzjoni mill-ħaddiema tal-Protezzjoni ċivili li ħadet ħin twil. Fis-2:15 a.m., il-pulizija sabet il-katavri, tliet ijiem mir-rapport tal-għejbien tagħhom. Ix-xena li raw meta ttellgħu l-katavri ma kienet xejn pjaċevoli. Kien evidenti li t-tnejn kienu mietu b’daqqiet ta’ sikkina. Vanessa kienet qalgħet 11-il daqqa ta’ sikkina, filwaqt li ċ-ċkejkna Ailey kienet qalgħet erba’ daqqiet. Malli nstabu fil-bir, Pulizija niżel fil-bir u kebbeb lit-tarbija f’kutra.  

Eventwalment il-Pulizija interrogat lil Azzopardi hekk kif il-kirja kienet fuq ismu. Azzopardi ma kienx konsistenti fit-tweġibiet tiegħu fil-fatt l-Assistent Kummissarju ta’ dak iż-żmien Michael Cassar waqt il-ġuri xehed li meta ġie interrogat, f’temp ta’ 15-il minuta biddel l-istorja tliet darbiet. Fil-fatt darba minnhom saħaq li meta kienu d-dar daħal xi ħadd li ried jaqra l-meter tad-dawl u kien ħebb għal Grech.  

Wara t-tielet storja fl-aħħar ammetta dak li kien għamel iżda waqt ix-xhieda tiegħu fil-ġuri kien hemm diskrepanzi kbar inkluż li tilef il-memorja. Kien inkonsisteni wkoll meta rrakkonta jekk kellhomx x’jaqsmu ma’ xulxin jew le.  

Dakinhar tad-delitt qalilha li kien sejjer Birżebbuġa u li kien se jistenniha fil-każin tal-Partit Laburista. Il-qattiel kien xehed li dakinhar kellu “borża ħelu għat-tifla lesta, kif kont nagħmel dejjem meta kienet tiġi.”  

Waqt l-interrogazzjoni huwa rrakkonta li kienu marru fil-kamra tas-sodda u neżgħu l-ħwejjeġ. Hawn tidħol diskrepanza oħra, ta’ fejn kienet it-tifla. Oriġinarjament huwa kien qal li Vanessa kienet ħalliet lit-tifla fis-salott – ftit ‘il bogħod mill-kamra tas-sodda – mentri fil-ġuri huwa kien qal li t-tifla tefatha f’waħda mis-single beds (li kienet magħquda mas-sodda l-oħra biex jagħmlu waħda kbira). Xettiku, l-Imħallef Joseph Galea Debono kien irrimarka li mhux sew li kienu għamlu atti sesswali u neżgħu quddiem tifla ta’ sena. Huwa kien irrimarka li kien jiddispjaċih u li din kienet ġrat dakinhar biss.  

Huwa kien spjega li Grech talbet Lm1,000 iżda kien irrifjuta. Azzopardi saħaq li rrifjuta u kien hemm li Grech ħarġet sikkina u ħebbet għalih. Fl-Att tal-Akkuża kien indikat li filwaqt li Grech kellha s-sikkina f’idejha, ma kinitx hedditu biha.  

Huwa saħaq li prova jieħu s-sikkina minn idejha biex ma tweġġax lilha nnifisha, lilu jew lit-tifla. Avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Mark Said irrimarkalu hekk: “Tajt 11-il daqqa ta’ sikkina lil Grech iżda imbagħad qed tisħaq li pruvajt tieħu s-sikkina minn id Grech biex ma tweġġax lilha nnifisha jew lil bintha. Eventwalment, qtilt lit-tifla wkoll.”  

Azzopardi kien qal li qabadha minn għonqa u taha ħafna daqqiet ta’ sikkina f’sidirha u partijiet oħra ta’ ġisimha. Ġisem Grech imtela kollu demm, hija ntilfet minn sensiha u mietet wara ftit ħin.  

L-ewwel darba li ammetta l-ħtija Azzopardi kien qal li t-tifla daħlet fil-kamra meta semgħet lil ommha tibki bl-uġigħ u kien hemm li qatilha. Min-naħa l-oħra waqt il-ġuri huwa kien qal li Ailey kienet f’idejn ommha qabel ma nqatlet u laqat lit-tifla. 

Ritratt mill-Arkivji
Ritratt mill-Arkivji

Għalhekk l-ewwel verżjoni ta’ kif kien qatel lit-tifla hija li meta Ailey daħlet fil-kamra huwa kien qabadha minn daharha tefagħha fuq is-sodda ħdejn ommha u ta erba’ daqqiet ta’ sikkina. “Kont naf li mejta meta waqfet tibki,” qal Azzopardi. Meta ġie mistoqsi jekk qatilhiex biex jaħbi r-reat huwa wieġeb li “kienu se jiskopru l-qtil xorta waħda.”  

Waqt il-ġuri huwa kien qal li ma riedx joqtolhom iżda ma baqax jirraġuna sew wara li kien intlaqat mis-sikkina waqt l-argument ma’ Vanessa. 

Huwa prova jikkonvinċi lil ġurati li lanqas seta’ jiftakar dak li kien għamel u li nesa’ li kien tefahom fil-bir għax kien taħt xokk. Madankollu Said fakkru li huwa kien jaf x’kien qiegħed jagħmel meta ġarr lil omm sal-bir, tefaha rasha l-isfel “mingħajr problemi”, għamel l-istess b’bintha u tefa’ il-lożor imċappsa bid-dmijja, il-handbag u l-arma li qatilhom biha ukoll.  

Fl-aħħar tal-ġuri Azzopardi nstab ħati bi tmien voti minn disgħa u għaldaqstant ingħata sentenza ta’ għomor il-ħabs.  

Min hi Sylvia King?  

Minkejja l-kunjom barrani Sylvia kienet Maltija ta’ 34 sena, kellha ħanut f’Wied il-Għajn u kienet għadha kif rebħet kampjonat tal-Bowling, sport li kienet tajba immens fih. Dan filwaqt li hija kienet tagħmel il-volontarjat ma’ gruppi ta’ nisa vulnerabbli. King kienet miżżewġa lil Patrick King, Irlandiż, li dakinhar tal-qtil kien imsiefer fuq xogħol. Il-kapitlu ta’ King ingħalaq aktar minn 30 sena ilu, jiġifieri fl-4 ta’April 1993, meta mietet mewta li lanqas lill-aqwa għadu tiegħek ma tkun tixtieqa: Maħruqa ħajja.  

X’ġara dakinhar tad-delitt?  

Kif għidna qabel, kien l-4 ta’ April meta telqet mill-Lemon ‘n Lime, il-ħanut li kellha f’Wied il-Għajn għall-ħabta tas-1:45p.m. għax kellha appuntament.  

Għall-ħabta tas-7 p.m., il-Pulizija sabu l-karozza meqruda min-nar f’żona magħrufa bħala l-Kunċizzjoni fil-limiti tar-Rabat. Fil-fatt l-espert forensiku Anthony Abela Medici qal li meta mar fuq il-post il-karozza kienet għadha taħraq u baqa’ biss pjanċa ta’ karozza bin-numru 5001 u ġisem maħruq inidentifikabbli.  

Fuq il-ġisem kienu sabu giżirajjen tad-deheb inkluż dik ta’ bowling pin, ċrieket u biċċa ħadida żgħira. Abela Medici identifika din il-ħadida bħala l-krukkett tar-riċipettu. Il-Pulizija bdiet taħseb li l-vittma kienet Sylvia King u marret għand ħuha, illi qalilhom li xi ġimgħat qabel ma seħħ id-delitt, oħtu ġiet mhedda minn raġel li l-laqam u d-deskrizzjoni tiegħu wasslu biex identifikawh bħala Joseph Harrington, ta’ 36 sena.  

Il-faċċata tat-The Times, meta ġie identifikat il-katavru ta' Sylvia King
Il-faċċata tat-The Times, meta ġie identifikat il-katavru ta' Sylvia King

Meta interrogatu huwa ma kellimhomx għax qal li ma riedx li jinkrimina lilu nnifsu. Dakinhar tal-omiċidju, daħal rapport fl-għassa ta’ Ħaż-Żabbar li xufier ta’ taxi lemaħ żewġt irġiel jaħtfu persuna li kienet f’Honda Civic bajda, għall-ħabta tas-1:45 p.m., fl-akkwati tal-impjant ta’ Sant Antnin, f’Wied il-Għajn. Ix-xufier qal li l-irġiel kienu f’karozza Vauxhall Nova jew Opel Astra u n-numru reġistrat kien propju 5001. Huwa kien infurmahom li l-mara kellha t-tape ma’ ħalqha. Aktar tard irriżulta li l-pjanċi kienu ta’ karozza oħra b’hekk il-pulizija ma sabitx il-vettura ta’ dik it-tip irreġistrata b’dan in-numru.  

Intant furnar f’Ħaż-Żabbar qal lill-Pulizija li huwa kien kera l-karozza Vauxhall lil ċertu Thomas Baldacchino. Ġara li kien Harrington li mar jikri l-karozza iżda ma kellux il-liċenzja tas-sewqan fuqu u għaldaqstant il-karozza inkriet f’ismu. B’din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħhom, Baldacchino ġie arrestat.  

Baldacchino talab li jkellem lill-Kummissarju tal-Pulizija ta’ dak iż-żmien, George Grech u kien hemm li Baldacchino irrakkonta sal-inqas dettal, x’wassal għad-delitt. 

Huwa kien taħt l-impressjoni li kienu se jisirquha biss u ma kienx jemmen li kien se jaslu biex joqtluha. Huwa irrakkonta li dakinhar qagħdu jistennewha ħierġa. X’ħin rawha ġejja imblukkawlha t-triq, ħarġu għaliha u ħatfuha. Huwa ikkonferma wkoll dak li kien qal ix-xufier, li għattewlha ħalqha bit-tape għax kienet se taqbad tgħajjat.  

Baldacchino saq il-Honda ta’ Sylvia u marru ħdejn is-Salib tal-Għolja, limiti tas-Siġġiewi. Minkejja dan, kien hemm xi kaċċaturi u għaldaqstant marru lejn il-kunċizzjoni. Huwa irrakkonta kif Harrington ried jaħraqha ħajja iżda Baldacchino għarrfu li dan ma kienx sew u għaldaqstant fgaha, aktar tard naraw kif hija kienet għadha ħajja.  

Harrington ferrex il-petrol, ta n-nar lill-karozza u ħa lil Baldacchino fl-appartament tiegħu. Huma inħasslu, ħarqu ħwejjiġhom u ħbew il-pistola u l-basket tal-vittma. Harrigton saħasitra seraq Lm 40 mill-basket tagħha u użawha biex iħallsu l-kirja tal-karozzi.  

Il-qattiel ta’ King miet fl-2014 waqt li kien qed jiskonta sentenza ta’ għomor il-ħabs
Il-qattiel ta’ King miet fl-2014 waqt li kien qed jiskonta sentenza ta’ għomor il-ħabs

X’ħareġ mill-ġuri? 

Filwaqt li Harrington u Baldacchino kellhom il-kumpilazzjoni tax-xhieda flimkien kellhom ġuri separati. L-ewwel ġuri kien ta’ Baldacchino fl-1997 quddiem l-Imħallef Victor Caruana Colombo u l-avukati li kienu qed jirrappeżentawh kienu Michael Sciriha u Ian Farrugia  

Irriżulta li King ġiet identifikata meta qabblu r-rekords tas-snien ma’ ta’ klinika fl-Irlanda, li kienet għamlu użu minnha hi stess ftit snin qabel. 

Apparti minn hekk Harrington u martu kienu għaddejjin minn żmien diffiċli fiż-żwieġ tagħhom u martu kienet tiffrekwenta lil Sylvia King. Patrick King qal fil-Qorti li ġie mwissi minn Harrington biex ma jindaħlux bejniethom filwaqt li mar għand oħt il-vittma u qalilha: “Ara nkun naf li marti qiegħda hawn għax b’rasek idur.”  

Il-Patoloġi Mario Scerri, Marie Therese Camilleri u Brigette Ellul flimkien ma’ Abela Mediċi xehdu li fil-pajp tan-nifs ta’ King instab biżżejjed nugrufun li jindika li kienet qed tieħu n-nifs waqt il-ħruq.  

Baldacchino qal li kien jieħu d-droga u għalhekk li beda jkun ma Harrington. Qal ukoll li kienu ilhom isusu wara King f’Wied il-Għajn għal-ġimgħa iżda baqa’ jinsisti li l-intenzjoni tiegħu kienet li jisraqha.  

F’mossa sorprendenti minn Baldacchino huwa dar fuq il-ġurati u qalilhom li filwaqt li ma kellux x’jaqsam mal-qtil, kien lest li jieħu dak li ħaqqu u ma kellux jagħmel aktar żmien il-ħabs għalxejn. Għaldaqstant il-verdett kien sitta kontra tlieta u nstab ħati ta’ kompliċità u l-Qorti ikkundannatu 14-il sena l-ħabs. Is-sentenza ntemmet fl-2011.  

Il-ġuri ta’ Harrington beda fis-26 ta’ Ġunju 2000 quddiem l-Imħallef Patrick Vella. Baldacchino xehed fil-ġuri tiegħu u qal kelma b’kelma dak li kien qal lill-Pulizija.  

L-avukat Malcolm Mifsud qallu li l-Prosekuzzjoni ħarġet bl-istorja li l-vittma nħarqet ħajja biex timpressjona lill-ġurati. Issemma wkoll li l-istorja ta’ Baldacchino kienet ivvintata iżda l-Prosekutur irribatta li ħadd ma kien se jemmen li Baldacchino ivvinta storja biex imur 14-il sena ħabs.  

Harrington kien ikkundannat għomru l-ħabs iżda miet waqt li kien qed jiskonta s-sentenza fl-2014. Jingħad ukoll li Baldacchino miet b’overdose ta’ eroina.  

L-informazzjoni biex inkiteb dan l-artiklu ttieħdet minn diversi siti tal-aħbarjiet. Madankollu l-maġġoranza tal-informazzjoni ittieħdet mill-ktieb tal-kriminologu Edward Attard. 

More in Qrati u Pulizija