'Bil-kondotta twila li għandek, tikkompetilu lil Trevor Zahra' Maġistrat lil raġel akkużat b'serq

Jiċħadlu l-ħelsien mill-arrest fuq biża' li 'jinstab mejjet fl-Ewwel Jum tas-Sena b'overdose' 

Raġel ta' 59 sena tressaq il-Qorti fuq akkużi ta' serq ta' diversi oġġetti inkluż għodda minn residenza u laptop minn spiżerija kif ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. 

L-Ispettur fuq dan il-każ xehed fil-Qorti li t-traċċi ta' DNA li nstabu dakinhar tas-serqa fl-Ispiżerija, f'Mejju li għadda, qablu mad-DNA li nstab f'serqa oħra li kienet tinvolvi lill-akkużat, fl-2017. L-istess traċċi nsabu f'serqa f'residenza f'Novembru li għadda - li fiha nsterqu l-għodda- li seħħet meta l-akkużat kien taħt il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. 

L-avukat li qiegħed jirrappreżenta lill-akkużat spjega li l-klijent tiegħu kien pazjent fl-Isptar Monte Karmeli minn Novembru li għadda u li huwa mistenni li jibda' trattament ta' rijabilitazzjoni fiż-żmien li ġej. 

Il-Maġistrat b'rabja qal lill-akkużat li tant għandu kondotta twila li jikkompeti lil Trevor Zahra. "Int ma tismax min-nies li jippruvaw jgħinuk bħal Caritas u s-Sedqa imbagħad tmur tisraq mid-djar tan-nies u toħloq inkwiet u trawma kbira. Tibda bil-marijuana, tkabbar naqra pjanti imbagħad teskala għal kokaina, eroina imbagħad tmur tisraq," qal il-Maġistrat filwaqt li l-akkużat wera li beda jaqbel miegħu. 

Intant l-avukat difensur talab għall-ħelsien mill-arrest biex ikun jista' jieħu l-għajnuna li għandu bżonn. Minkejja dan il-Qorti saħqet li għandha tkun il-Faċilità Korrettiva ta' Kordin li tagħmel l-assessjar meħtieġ. "Minix se nagħtih ħelsien mill-arrest biex jinstab fl-Ewwel Jum tas-sena mejjet minn overdose. Ma rridx li din tkun fuq il-kuxjenza tiegħi," kompla l-Maġistrat. 

More in Qrati u Pulizija