'Xi tridni nagħmel jekk jerġa' jiġi għalija? Nisparalu?' - Raġel akkużat li hedded lil Frankie Grima

Raġel iċempel lill-Pulizija u jgħid li ma ħadux azzjoni kontra Grima u jistaqsi jekk għandux jisparalu... Il-Pulizija ssiblu armi tan-nar li fuqhom ma kinitx tħallet il-liċenzja

Raġel - li qal illi fetaħ diversi rapporti mal-pulizija kontra Frankie Grima, li kien sid ta diversi stabbilimenti ta' divertiment f'Paceville, hekk kif qed isostni li Grima kien heddu u darba saħansitra ta daqqa ta' ponn lil martu - hu stess spiċċa qed ikun akkużat b'theddid hekk kif mal-pulizija ilmenta dwar kif ma humiex qed jieħdu azzjoni fuq il-każ u staqsa jekk għandux jispara lil Grima. 

Ir-raġel mill-Mellieħa deher quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea u kien akkużat li uża ħażin tagħmir ta' telekomunikazzjoni u li kiser il-liċenzja tal-armi.

Iż-żewġ irġiel għandhom boathouses fl-Armier li jmissu ma' xulxin u huwa mifhum li n-nuqqas ta' qbil dwar terrazzin estern barra l-boathouse ta' Grima, kien ilu għaddej żmien. L-akkużat huwa mifhum li għamel diversi rapporti kontra Grima, li wħud minnhom huma suġġett ta' proċeduri fil-Qorti. 

Filmati CCTV juru lil Grima jsabbat b'rabja fuq il-bieb tal-akkużat, jidgħi u jgħajjat, "ejja oħroġ ħa nqattgħek."

F'ġurnata differenti Grima jerġa' jidher isabbat fuq il-bieb u wara jagħti daqqa f'wiċċ mara wara li fetħet il-bieb. L-akkużat spjega li l-mara fil-filmat hija martu u li f'dik l-okkażjoni Grima kien akkużah illi seraqlu l-kelb.

Minkejja li Grima qed jiffaċċja proċeduri kriminali fuq uħud mir-rapporti li għamel l-akkużat, l-avukat Difensur sostna li għad hemm aktar akkużi x'joħorġu. 

Minkejja dan kien l-akkużat li daher fl-iżbarra llum u dan hekk kif f'telefonata mal-pulizija huwa kien staqsa: "Xi tridni nagħmel jekk jerġa' jiġi għalija? Nisparalu?" Wara li qal dan il-kliem saret tfittxija mill-pulizija fil-boathouse tal-akkużat li waslet biex jinstabu żewġ armi li fuqhom ma kinitx għadha tħallset il-liċenzja.

More in Qrati u Pulizija