Akkużata li ħebbet għall-eks sieħeb tagħha b'trabuxu wara li ssuġġerixxa threesome

Id-Difiża qed tisħaq li l-akkużata hija l-vittma u mhux viċi-versa għax kienet qed tiddefendi lilha nnifisha

Mara tressqet il-Qorti akkużata li ħebbet għall-eks sieħeb tagħha b'trabuxu wara li allegatament issuġġerixxa li jkollhom x’jaqsmu flimkien ma’ mara oħra.

L-Ispettur tal-Pulizija Omar Zammit ressaq lill-mara, li għandha 36 sena mis-Serbja, quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello u akkużaha li heddet lill-eks sieħeb tagħha b'trabuxu u anke li kkawżat ġrieħi ħfief fuqu u fuq mara oħra. 

Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-każ seħħ matul il-lejl ta’ bejn is-6 u s-7 ta’ Novembru meta l-akkużata tat daqqa ta’ trabuxu lis-sieħeb tagħha u anke tatu daqqa f’rasu b’kontenitur tal-ħġieġ.

Il-mara qed tiċħad l-akkużi.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba tad-Difiża għall-ħelsien mill-arrest minħabba n-natura tal-każ u anke għax il-vittmi għad iridu jixhdu. 

Kien hawn li d-Difiża qalet li l-mara kienet il-vittma f’dan il-każ u dak li għamlet għamlitu biss biex tiddefendi lilha nnifisha.

L-Avukati tal-akkużata spjegaw kif l-eks sieħeb tagħha ħadha f’appartament f’Tas-Sliema u meta waslu ried li jkollhom x’jaqsmu ma’ mara oħra li kienet hemm.

“Il-vittma mhuwiex ir-raġel imma l-klijenta tiegħi,” qal l-avukat waqt li insista li anke dan għandu jitressaq il-Qorti u jkun akkużat għax hi riedet titlaq mill-appartament u hu żammha.

Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordnat lill-mara biex ma tersaqx u lanqas titkellem mal-allegati vittmi. 

More in Qrati u Pulizija