Persuna li jagħmel il-massaġġi jammetti li bagħbas turista Ingliża mingħajr il-kunsens tagħha

L-akkużat prova jneħħi l-ħwejjeġ ta' taħt tal-vittma, minkejja li oġġezzjonat 

Raġel ta' 25 sena mill-Mġarr, li jagħmel il-massaġġi ammetta li bagħbas turista Ingliża li marret tagħmel trattament f'lukanda fil-Mellieħa, minkejja li talbitu jieqaf. 

Din it-turista li ġiet btala Malta u li kienet qiegħda toqgħod fl-istess lukanda għamlet rapport ilbieraħ stess. Hija qalet li marret għal trattament fl-iSpa tal-lukanda fid-29 ta' Ottubru. Hija qalet li l-akkużat, ftit wara li beda t-trattament, talab lill-vittma biex iddur wiċċha 'l fuq u kien hemm li bagħbasha mingħajr il-kunsens tagħha. 

L-ispettur fuq dan il-każ qal li l-vittma ma qalet xejn, sa dak il-ħin, hekk kif hi kienet għadha taħt l-impressjoni li dan kien parti minn trattament professjonali. Meta imbagħad l-akkużat talab lill-vittma biex tinża l-ħwejjeġ ta' taħt hija irrifjutat. Minkejja dan, dan ma waqqafx lill-akkużat milli jipprova jneħħi l-qalziet ta' taħt tal-vittma u jmiss il-partijiet intimi tagħha. 

L-vittma qalet li l-akkużat kien qalilha li dan kien parti minn "trattament speċjali." Wara li rrifjutat l-avvanzi tiegħu hu kompla b'dak li sejjaħ trattament, iżda hija iddeċidiet li twaqqaf din is-sessjoni minnufih u tmur tirrapporta lill-maniġer tal-lukanda u lill-pulizija. 

L-akkużat ammetta fil-Qorti l-ħtija tiegħu u l-prosekuzzjoni saħqet li minkejja li b'mod ġenerali ammissjonijiet bħal dawn iwasslu għal priġunerija ta' bejn erba' u seba' snin, informat lil Maġistrat li l-Avukat Ġenerali ma kienx se jinsisti fuq priġunerija.

Fil-fatt huwa ma ngħatax sentenza ta' priġunerija iżda tpoġġa fuq ordni ta' probation għal sentejn. Dan apparti li ntalab b'ordni tal-Qorti li ma jikkuntattjax lill-vittma. 

More in Qrati u Pulizija