Jinżamm arrestat raġel li ħareġ mill-ħabs riċentament u nqabad jisraq nhar is-Sibt

Huwa qiegħed jiġi akkużat ukoll b'reċediviżmu kif ukoll li ma ffirmax il-ktieb tal-ħelsien mill-arrest 

Raġel ta' 33 sena miż-Żejtun, li ġie rilaxxat mill-ħabs ftit żmien ilu, qiegħed fil-kustodja tal-Pulizija mixli li seraq minn dgħajsa ankrata fil-Pietà. 

L-ispetur f'dan il-każ qiegħed jakkuża lil dan ir-raġel li nhar is-Sibt għall-ħabta tas-7p.m., tela' fuq dgħajsa bil-għan li jisraq xi oġġetti li kien hemm fiha. Madankollu huwa inqabad fil-fatt meta persuni li kienu fl-akkwata rawh u ċemplu lill-Pulizija. 

Apparti minn hekk huwa qed jiġi akkużat b'reċediviżmu kif ukoll li naqas milli jirrifma l-ktieb tal-ħelsien mill-arrest fix-xhar ta' Ottubru. B'hekk huwa kiser iż-żewġ kundizzjonijiet li ngħatawlu mal-ħelsien mill-arrest. 

Huwa ċaħad dawn l-akkużi miġjuba kontrih u l-avukat difensur saħqet li r-raġuni għaliex ma kienx qiegħed jiffirma l-ktieb kienet għaliex kien qiegħed jingħata l-kura l-Isptar. Minkejja dan l-Ispettur saħaq li ma kienx infurmat fuq hekk. 

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba tal-ħelsien mill-arrest hekk kif kien għad fadal persuni jitilgħu xhud, l-istess persuni li lemħuħ jisraq. Apparti minn hekk l-prosekuzzjoni qalet li l-imġieba tiegħu turi li l-akkużat mhux persuna affidabli.

Huwa ma ngħatax ħelsien mill-arrest. 

More in Qrati u Pulizija