'Jekk toħloq aktar inkwiet...' u għamel sinjal ta' tħanxir, waqt li kellu mus f'idejh

Jixhed Surġent tal-Pulizija fuq filmat li juri l-aggressjoni ta' żewġ membri tal-pulizija fuq raġel barrani fil-Marsa, fost diveri istanzi oħrajn ta' aggressjoni...

L-Ispettur Omar Zammit, waqt li kien qed jixhed fil-każ kontra tliet surġenti li qed ikunu akkużati bi vjolenza fuq persuni ta' karnaġġjon iswed qal li bejn l-1 u 2 ta' Settembru Jurgen Falzon u Luca Brincat, flimkien ma' kollega ieħor tagħhom kienu innutaw illi kien hemm raġel il-Marsa li beda jgħajjat għax kien fis-sakra.

Huwa kompla jixhed illi Brincat qal lill-kollega li kien hemm preżenti biex isuq lejn Ħal Qormi bir-raġel li kien arrestat u meta l-kollega staqsa għaliex kienu qed isuqu lejn Ħal Qormi minflok lejn id-Depot, Brincat qallu biex jitfi l-bodycam u meta dan ma riedx, Luca qabad u tfhielu hu. 

Dan il-kollega meta rrapporta lill-Pulizija qal illi Luca Brincat u l-akkużat l-ieħor Jurgen Falzon taw xebgħa lir-raġel u saħansitra Falzon garalu ġebla.

Il-pulizija li kien xhieda ta' dan kollu qal illi dawn iż-żewġ akkużati ġieli wrew imġieba aggressiva lejn barranin oħrajn. Dan kompla jgħid li darba Brincat deher f'filmat li kien imxerred f'chat bejn membri tal-Community Policing Team, b'mus quddiem persuna ta' karnaġġjon iswed. Brincat jinstema' jgħid lir-raġel li għandu jieqaf joħloq l-inkwiet "inkella..." u għamel sinjal daqslikieku se jħanxru. 

Il-filmat ittieħed minn wara l-immigrant. 

'Tawni daqqiet ta' sieq u bil-ponn...'

Meta kien qed ikun mistoqsi mid-Difiża, l-Ispettur qal li wieħed mill-vittmi qal lill-investigaturi li nġabar mill-akkużati meta kien fis-sakra.

Irrakkonta li ttieħed xi mkien il-Marsa u ngħata daqqiet ta' sieq u ponn mill-akkużati.

Qal li l-Pulizija li sawtuh kienu tlieta, imma persuna waħda baqgħet lura anke jekk fl-ebda ħin ma pprovat twaqqaf lill-kollegi.

Taser li mhux tal-Pulizija jinsab fid-dar ta' Rica Mifsud Grech

It-tieni xhud tal-lum kienet is-Supretendent Graziella Muscat. Hija tat dettalji tal-arresti u anke t-tfittxijiet li saru fid-dar tal-akkużati.

Spjegat kif fid-dar ta' Rica Mifsud Grech instab taser torch li ma jingħatax mill-Pulizija.

Intant komplew jixhdu aktar Pulizija li taw l-istess dettalji tal-arresti.

Il-każ ikompli l-ġimgħa d-dieħla. 

More in Qrati u Pulizija