'Lanqas l-akbar kritiċi tiegħi qatt ma qalu li jiena involut fil-qtil ta' Daphne' - Muscat jixhed fil-Qorti

L-eks Prim Ministru kien qed jixhed fil-każ li fetaħ kontra Avukat li fuq Facebook post kien kiteb post u li Muscat insista li huwa "malafanti" għax jimplikah direttament fl-assassinju tal-ġurnalista

L-eks Prim Ministru, Joseph Muscat, dalgħodu xehed fil-każ li hu fetaħ kontra l-avukat Christian Grima wara Facebook post li dan kien kiteb. Muscat kien saħaq li bi kliemu, l-Avukat implika direttament lilu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Carl Grech, li qed jidher għal Grima qal li bil-kumment tiegħu, l-Avukat fl-ebda ħin ma ried jimplika li Joseph Muscat personalment poġġa l-bomba taħt il-karozza ta’ Daphne Caruana Galizia jew li b’xi mod kien hu li qatilha.

Insista li bil-kummenti tiegħu, Grima ried jgħid dak li wara kollox qalet l-inkjesta pubblika u anke Reżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, jiġifieri li l-Gvern immexxi minn Muscat ħoloq jew ippermetta ambjent ta’ vjolenza u impunità li wassal għall-assassinju ta’ ġurnalista li kienet tikxef il-korruzzjoni.

Grima fil-fatt kien xerred filmat ta’ Michelle Muscat li f’intervista kienet mistoqsija dwar Caruana Galizia u dak li ġralha.

L-Avukat kien ikkummenta fuq dan il-filmat u kiteb: “Ir-raġel tiegħek splodiha. Dak li ġralha.”

Il-Maġistrat Victor Axiak staqsa lill-Avukati jekk intlaħaqx xi qbil bejn iż-żewġ partijiet. L-Avukat Pawlu Lia, li qed jidher għal Muscat qal li jinsabu viċin li jilħqu ftehim.

Muscat xehed u kien mistoqsi x’dejqu l-aktar dwar dan il-kumment.

Huwa saħaq li aktar milli dejqu, jaħseb li l-kumment kien jimmalafamah. Fi kliemu, anke l-akbar kritiku tiegħu ma kienx jasal jgħid dak il-kliem, jiġifieri li hu kien direttament jew indirettament involut fl-assassinju.

Muscat qal li meta nkiteb il-kumment, l-inkjesta pubblika kienet għadha mhux konkluża u dak li nkiteb kien ċar.

“Huwa ċar li ma hemm l-ebda indikazzjoni li jien b’xi mod kont involut f’dak li qal Dr Grima. Insista li l-kumment “jaqbeż il-linja.”

Qal li l-kumment kien indirizzat direttament għalih u s-sitwazzjoni kienet tkun differenti ħafna kieku l-kritika kienet indirizzata lejn il-gvern b’mod ġenerali.

“L-insult kien ċar. Weħħel direttament fiha ... qal Muscat.”

Il-każ mistenni jkompli f’Novembru fejn id-Difiża mistennija tagħmel il-kontro-eżami tagħha lil Muscat.

More in Qrati u Pulizija