Iffrodat 40 persuna... ħaditilhom flus taparsi għal skema tal-housing u baqgħu b'xejn

Il-mara, li taħdem bħala cleaner, qed tkun akkużata bi frodi, miżapproprijazzjoni, iffalsifikar ta' dokumenti pubbliċi u privati u li kisret il-kundizzjonijiet tas-sentenza sospiża tagħha - kif ukoll li kienet riċediva

Mara ta' 42 sena, li taħdem bħala cleaner, iffrodat xejn inqas minn minn €500,000 mingħand 40 persuna.

Il-mara - li mhux qed tammetti l-akkużi miġjuba kontriha - qed tkun akkużata bi frodi, miżapproprijazzjoni, iffalsifikar ta' dokumenti pubbliċi u privati u li kisret il-kundizzjonijiet tas-sentenza sospiża tagħha - kif ukoll li kienet riċediva. 

Il-mara, meta kienet arrestata f'Mejju, kienet akkużata li ffrodat b'kollox €300,000 lil 27 persuna għal prorpjetajiet tal-Gvern irħas, li fil-fatt qatt ma mmaterjaizzaw. Aktar investigazzjonijiet rriżultaw f'żieda ta' vittmi u nofs miljun ewro fi flus li ġew iffrodati. 

Illum l-Qorti aċċettat it-talba biex l-akkużata tingħata l-ħelsien mill-arrest wara li l-avukat tagħha Franco Debono qal li hi kienet ħallset lura aktar minn nofs dawn il-flus.

Il-Prosekuzzjoni qed tisħaq li l-akkużata kienet qed tikkonvinċi lin-nies li d-Dipartiment tal-Housing kien beda skema li permezz tagħha proprjetajiet tal-Gvern li ttieħdu b'subbasta mill-banek se jinbigħu bi prezzijiet irħas. Hija kienet tagħti dokumenti li kienu jidhru illi huma tal-Housing, sabiex tidher aktar kredibbli. 

Erba' mill-vittmi xhedu llum, b'waħda - sid ta' ħanut - tgħid li saħansitra kienet ġiet ffrodata darbtejn - darba fuq din l-iskema tal-proprjetà u darba oħra fuq logħob tal-Playstation, fejn minkejja li ħalset depożitu baqgħet b'xejn. Hija qalet li kienet diġà ħadet ordnijiet ta' klijenti li xtaqu jixtru dawn il-logħob, biex imbagħad l-akkużata qaltilha li ħallelin kienu serqulha l-logħob li kienet xtrat u li kienet se tgħaddi lil tal-ħanut. Meta staqsietha għaliex ma rrapportatx, l-akkużat aqalet lil sidt il-ħanut li xtaqet tħalli kollox kwiet u li kienet għamlet l-arranġamenti meħtieġa. 

Anke ommha kienet spiċċat vittma fuq l-iskema tal-housing u x-xhud qalet li kemm ommha u anke ħabib tagħha kienu ħallsu €73,000 lill-akkużata li kienet wegħdet diversi proprjetajiet tal-Gvern. 

Il-Qorti aċċettat it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta' €20,000 u garanzija personali ta' €30,000 u kienet ordnata ma tagħmilx kuntatt mal-vittmi. Il-Qorti wissiet illi jekk tikser din il-kundizzjoni hi tkun arrestata mill-ġdid u titlef il-€50,000 li ħallset f'depożitu u garanzija personali. 

L-Ispetturi Shaun Friggieri u Ritiannae Gauci flimkien mal-Avukat Andrea Zammit mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qed imexxu l-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed imexxu d-difiża. 

More in Qrati u Pulizija