'L-allegati vittmi mhux qed iqisu lilhom infushom vittmi' tgħid id-Difiża fil-każ ta' Dun Luke

Aktar parruċċani jixhdu u jaqbżu għal Dun Luke filwaqt li l-Qorti ma taqbilx mad-Difiża u tisħaq li hemm biżżejjed evidenza biex il-Kappillan ta' Marsaxlokk jitpoġġa taħt att ta' akkuża

Il-Qorti qalet li hemm biżżejjed evidenza biex il-każ kontra Dun Luke Seguna jkompli u dan minkejja li d-Difiża qed tinsisti li me hemmx biżżejjed evidenza kontrih u għax dawk li l-Prosekuzzjoni qed tikkunsidra bħala “vittmi” huma stess qed mhux jikkunsidraw lilhom infushom bl-istess mod.

Il-każ kontra l-Kappillan ta’ Marsaxlokk kompla llum fejn xehdu aktar parruċċani Xlukkarji u persuni li biegħu lil Seguna karozzi, muturi u l-garaxx.

Is-saċerdot qed jiċħad li ffroda xejn inqas minn €500,000 mogħtija bħala donazzjonijiet lilu fl-aħħar għaxar snin. Hu qed jisħaq li d-donazzjonijiet ingħataw lilu personali, l-istess kif qalu wkoll xi wħud minn dawk li l-Prosekuzzjoni tellgħet jixhdu.

Fost oħrajn, xehdu llum persuni li biegħu lil Dun Luke Land Rover, Fiat 500, mutur u anke garaxx. Il-Land Rover li tiswa ftit inqas minn €29,000, Dun Luke xtaraha permezz ta’ loan mill-bank u mill-Kurja.

Nutar li ħa ħsieb il-kuntratt meta l-Kappillan xtara l-garaxx qal li ma sab xejn irregolari fil-pagament tal-qassis.

Tliet persuni oħra xehdu dwar donazzjonijiet li taw lil Dun Luke. Waħda minnhom qalet li tat id-donazzjonijiet biex isiru xogħlijiet ta’ restawr fuq il-kampnar u t-twieqi tal-knisja. Qalet li tafda lil Dun Luke u eventwalment ix-xogħlijiet saru.

Parruċċana oħra qalet li meta marret biex tagħti donazzjoni lill-qassis, huwa talabha tmur l-uffiċċji iżda hi qaltlu li d-donazzjoni kienet għalih personali, bħala gratitudni għall-ħidma tiegħu.

Ix-xhieda kollha ċaħdu li qabel is-seduta ġew avviċinati minn xi ħadd. Kienet il-Prosekuzzjoni staqsiet din il-mistoqsija li d-Difiża ma ħadet xejn gost biha.

Kien hawn li l-Avukati ta’ Dun Luke qalu li l-Prosekuzzjoni ma sebitx biżżejjed evidenza biex Seguna jgħaddi ġuri dwar ħasil ta’ flus, miżaproprijazzjoni, frodi u ffalsifikar ta’ dokumenti.

“Il-vittmi lanqas iqisu lilhom infushom bħala vittmi. Ġew hawn jgħidu li taw il-flus lill-qassis,” qal l-Avukat Alex Scerri Herrera.

Madanakollu, il-Prosekuzzjoni qalet li fadal min jixhed, bil-Maġistrat tgħid li hemm biżżejjed evidenza biex Dun Luke Seguna jitqiegħed taħt att ta’ akkuża.

Il-każ ikompli f’Ottubru. 

More in Qrati u Pulizija