Kumpanija tal-karozzi tal-kiri tikkontesta t-tender li ngħata lil Christian Borg minn Transport Malta

Skont il-protest ġudizzjarju mressaq minn Davico Limited, huwa 'allarmanti' kif TM tat tender lil persuna li kellu liċenzja operattiva sospiża filwaqt li d-dokument tal-offerta minn TM enfasizza li se teskludi kumpaniji li kienu ħatja ta’ 'imġieba professjonali ħażina'

Kumpanija tal-kiri tal-karozzi kkontestat l-għoti ta’ tender minn Transport Malta lil kumpanija ta’ Christian Borg li bħalissa għaddej b’kawża l-Qorti wara li ġie akkużat bi ħtif ta’ raġel.

Fil-protest ġudizzjarju ffirmat mill-avukat Peter Fenech, Davico Ltd sostniet li l-awtorità qatt ma kellha tagħti t-tender għall-provvista ta’ 41 vettura lil Princess Operations Ltd.

Il-kumpanija Davico kienet ukoll ressqet offerta iżda l-kumpanija ġiet klassifikata fit-tieni post u eventwalment it-tender ingħata lil Princess Operations f’April ta’ din is-sena. Dan seħħ minkejja li borg kellu l-liċenzja operattiva tiegħu sospiża kif ukol diġà kien b’kawża kontrih fil-Qorti. Fil-fatt dan kollu ssemma fil-protest ġudizzjarju.

Dan mhux l-ewwel darba li l-kumpanija Davico pruvat titkellem dwar dan iżda l-protesti preċedenti ġew miċħuda mill-bord ta’ reviżjoni tal-kuntratti u l-Qorti tal-appell.

Fl-aħħar sfida tiegħu, Davico argumenta li Christian Borg kellu l-liċenzja operattiva tiegħu għall-kumpaniji internazzjonali f’ismu, Goldcar u Rhodium, sospiża minn TM f’Jannar 2019. Din is-sospensjoni kienet ikkonfermata mit-tribunal ta’ reviżjoni f’Lulju 2022.

Intant il-kumpanija sostniet ukoll illi Princess Operations ma kinitx awtorizzata tissottometti l-offerta tagħha għat-tender ikkontestat fl-2020 peress li l-liċenzja tal-operat ġiet sospiża filwaqt li d-dokument tal-offerta innifsu eskluda kumpaniji li kienu ħatja ta’ “imġieba professjonali ħażina.”

Il-protest ġudizzjarju kompla jgħid li huwa “allarmanti” li l-istess awtorità li ssospendiet il-liċenzja tal-kumpanija ma ħaditx dawn iċ-ċirkustanzi “straordinarji” f’konsiderazzjoni meta ddeterminat ir-riżultat tas-sejħa għall-offerti.

Il-protest ġudizzjarju talab lil Transport Malta biex itemm il-kuntratt ma’ Princess Operations u tipproċedi biex tagħti t-tender lil Davico bħala l-kumpanija li kklassifikat it-tieni.

Il-protest ġudizzjarju sar kontra Transport Malta, id-direttur tal-kuntratti u s-segretarju permanenti fil-ministeru tal-finanzi.

Princess Operations ingħatat uffiċjalment it-tender ta’ 41 vettura minn Transport Malta f’April ta’ din is-sena wara li Christian Borg flimkien ma’ ħamsa oħra – Tyson Grech, Luke John Milton, Thorne Mangion, Burton Azzopardi u Jeremy Borg – ġew arrestati f’Jannar u akkużati bil-ħtif u attakk vjolenti ta’ raġel ġewwa r-Rabat.

Mill-proċeduri tal-Qorti rriżulta li l-akkużat saħansitra hedded li jaqta’ subgħajn ir-raġel u li se jistupra lil oħtu.

More in Qrati u Pulizija