Tifel ta' seba' snin imqabbad minn ommu jarmi d-droga waqt ir-rejd fil-Belt Valletta

Kien it-tifel stess tal-akkużata li qal lill-Pulizija li kienet ommu li ordnatlu tagħmel hekk

Tifel ta’ seba’ snin li nstab mill-Pulizja waqt rejd tad-droga fil-Belt Valletta kien qed jipprova jarmi boroż bid-droga u aktar tard qal lill-uffiċjali li kienet ommu li qaltlu jagħmel hekk meta l-Pulizija daħlu fil-proprjetà.

Dan ħareġ mix-xhieda tal-Ispetturi tal-Iskwadra kontra d-Drogi waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra l-koppja li qed tkun akkużata bi traffikar tad-droga u ħasil ta’ flus.

L-Ispettur Kevin Pulis xehed kif il-Pulizija kienet ilha għal xi żmien tosserva r-residenza fi Triq l-Infermerija fil-Belt u kienu qed jiġbru evidenza u informazzjoni dwar it-traffikar tad-droga u anke użura wara li rċeviet rapporti li l-akkużati kienu qed iselfu l-flus illegalment, b’rati għolja ta’ imgħax.

Id-deċiżjoni biex il-Pulizija twettaq ir-rejd ittieħdet wara li nħareġ mandat ta’ arrest minn maġistrat u l-pjan kien li l-koppja tkun arrestata meta jmorru jiffirmaw fl-għassa tal-Pulizija tal-Belt.

Iż-żewġ akkużati waslu l-għassa u ġew infurmati li kienu qed jinżammu arrestati u ttieħdu fir-residenza.

Hawn ix-xhieda kellha tieqaf għal xi ħin meta l-Maġistrat kellha twissi lill-omm biex “tieqaf tidħaq qisha r-re tal-Karnival.”

L-Ispettur kompla jgħid kif il-Pulizija kellhom jużaw tagħmir speċifiku biex jidħlu fir-residenza anke għax il-bibien kienu msakkra bi ktajjen u b’katnazzi. 

Kien hawn li l-Ispettur semma t-tifel u qal li dan instab fuq is-sodda u kien jidher daqslikieku kien għadu kemm rema xi ħaġa.

L-Ispettur Mark Antony Mercieca  xehed kif it-tifel deher jarmi pakkett li aktar tard instab li kien fih id-droga. Huwa pprova jaħbi d-droga taħt is-sodda. 

Eventwalment, it-tifel tpoġġa taħt il-protezzjoni tal-Aġenzija Appoġġ.

“Beda jibki,” qal l-Ispettur. Meta mistoqsi, it-tifel qal lill-Pulizija li kien rama l-pakkett għax hekk qalulu l-ġenituri tiegħu biex jagħmel f’każ li xi darba jmorru l-Pulizija.

L-Ispetturi spjegaw ukoll kif fil-kamra tas-sodda tal-akkużati nstabu żewġ safes. Fihom kien hemm flus u anke oġġetti tad-deheb. It-tfajla kienet ukoll liebsa si oġġetti tad-deheb.

Fakkru li l-Qorti kienet diġà ffriżat l-assi tal-akkużati f’każi oħra li għandhom u li għadhom pendent. 

Waqt l-interrogazzjoni, it-tfajla għażlet li ma twieġeb l-ebda mistoqsija filwaqt li ż-żagħżugħ irrifjuta li jwieġeb mistoqsijiet li setgħu jinkriminawh. 

Il-każ ikompli fl-14 ta’ Settembru

More in Qrati u Pulizija